Kyle Cutajar huwa fost l-iżgħar parteċipanti li ħa jkun qed jipparteċipa fil-festival Mużika Mużika din is-sena. Lil Kyle rajnieh waqt żewġ edizzjonijiet ta' X Factor Malta fl-2019 u fl-2020, din tal-aħħar tatu esperjenza sostanzjali. Kellimna dwar dak li għadda minnu minn X Factor Malta lil'hawn kif ukoll dwar prospetti li għandu għall-karriera tiegħu 'il quddiem.
Il-kantant kellimna dwar id-deċiżjoni tiegħu li jidħol b’diska bil-Malti għal dan il-festival. “Xtaqt li ngħaqqad l-istil tiegħi mal-lingwa Maltija u ovvjament nippreżentaha lill-poplu Malti.”
Wara bosta esperjenzi fosthom dik ta’ X Factor Malta, fejn klassifika fir-raba’ post, kellimna dwar kif ħassu li kiber bħala artist. “Nemmen li minn żmien X Factor sal-lum il-ġurnata, Kyle George immatura fil-mużka tiegħu u kif ukoll fil-ħajja.”
“Fi żmien li kont fuq X Factor kelli 18-il sena, allura tkun għadek qed tikber u tiżviluppa. Illum il-ġurnata li għandi 21 sena, nista’ ngħid li qiegħed pass ‘il boghod milli nikonferma min hu Kyle bhala artist.”
Matul l-aħħar snin Kyle anke nieda l-mużika oriġinali tiegħu. Kellimna dwar il-pjanijiet biex jesperimenta aktar fil-karriera tiegħu fil-futur.
“Il-futur hu xi ħaġa li ninsab veru ħerqan għalih. Hekk kif jgħaddu iktar ġranet, qed tersaq iktar qrib il-ġurnata li nitlaq minn Malta u mmur noqgħod ġewwa r-Renju Unit, fejn ser inkun qiegħed naħdem ma’ produtturi u awturi minn Londra.”
Kyle George qiegħed jaħdem fuq materjal ġdid, miktub minnu stess, li ħafna minnu huwa fuq tema personali.
Kieku Kyle kellu jgħaddi parir lilu nnifsu żgħir, rigward il-karriera tieghu, xi jkun? “Ħares 'il quddiem, kompli aqdef u tħalli lil ħadd iwaqqfek milli tmur wara dak li tixtieq.”
“Ir-raġuni warajhom hi li kien hemm ħafna nies li kienu jikklassifikaw il-kant bħala ‘passatemp femminili’, għallura kont nsib ħafna diffikultà biex nagħmel dak li nħobb speċjalment fi żmien li tkun għadek żgħir, u sħabek ikunu ċ-ċentru ta’ ħajtek.”
“Apparti minn hekk, in-nuqqas ta’ kunfidenza li kelli fija nnifsi, li ġieli nbati minnha sal-lum il-ġurnata, kienet l-unika ostaklu li twaqqafni milli nkun l-aħjar li nista’.”
Kyle qalilna li għadu f’kuntatt mal-kontestanti sħabu ta’ X Factor Malta u l-mentor li kellu, Ray Mercieca. Jgħid li anke ġieli jdur fuqhom għal xi parir.”
“Il-kontestanti ta' X Factor Malta li kont magħhom fi żmien il-live shows, huma wħud mil-aqwa nies li qatt iltqajt magħhom, u sal-lum il-ġurnata għadna niltaqgħu u f’kuntatt.”
“Meta jkolli bżonn xi pariri rigward mużika, dejjem indur fuqhom għaliex naf li ħa jkunu sinċieri. Ray li kien il-mentor tiegħi, huwa wieħed minn dawk li nistaqsi għall-pariri.”
Kyle isemmi wkoll lil dawk viċin tiegħu fosthom il-familjari, li dejjem ikunu hemm għalih. “Apparti minn hekk, fil-lista ninkludi lill-familja u ħbieb u kif ukoll l-għalliem tiegħi, Joshua.”
Kyle kellimna dwar il-kanzunetta Tgħidlix Għalfejn. “Titratta fuq xenarju ta’ koppja li inbena ħajt bejniethom, u sfortunatament l-affarijiet ħadu direzzjoni mhux tant sabiħa.”
“Hi diska personali immens għaliex hi riflessjoni ta’ xi episodji minn ħajti, biss però hi diska li ħafna nies jistgħu jirrelataw magħha. Ir-realtà tal-ħajja hi li sfortunatament f’relazzjoni, persuna kapaċi ma tħobbokx bl-istess ammont ta’ mħabba li tkun tħobbha inti.”
“Għalhekk xtaqt li nippreżenta din id-diska lill-poplu biex in-nies li forsi għaddejjin minn esperjenza simili, jispiraw ruħhom mid-diska u jifhmu li ‘inti’ bħala persuna għandek valur imprezzabbli u ma jistħoqqlok l-ebda tip ta’ disrispett.”
Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.