22:58 - Ir-Renju Unit jinsab mal-ewwel tlieta li jirbaħ illejla, u ilu hekk għal jiem sħaħ. Wara l-prestazzjoni b'saħħitha tal-lejla l-kantant Ingliż Sam Ryder irnexxielu jisraq il-qlub ta' ħafna u ċertament li dan ħa jirrifletti fil-votazzjoni. Jekk jirbaħx... dik misteru!
22:55 - Sheldon Riley mill-Awstralja llejla għal darb'oħra faqa' sala bil-kanzunetta Not The Same. Il-messaġġ li xtaq iwassal ċertament li rnexxielu jasal, hekk kif interpreta l-kanzunetta b'emozzjoni pura. Sheldon jagħlaq il-prestazzjoni tiegħu billi jindirizza lill-udjenza.
22:46 - L-Iżvediża Cornelia Jacobs reġgħha rnexxielha tisraq il-qlub ta' ħafna bl-interpretazzjoni emozzjonali u passjonali tagħha. Mingħajr xenxilli żejda, imma b'timbru uniku u li jibqa' dieħel ġo qalbek, Cornelia llejla tat raġuni oħra għaliex hi waħda mill-favoriti li tirbaħ! Il-kanzunetta Hold Me Close żgur se tibqa' waħda klassika.
22:45 - Moldova jerġgħu jibagħtu lil Zdob Zi Zdub għar-raba' darba! Għal darb'oħra irnexxielhom iqajjmu sala bil-prestazzjoni tagħhom u l-udjenza rreaġixxiet b'mod tajjeb ħafna għall-kariżma li għandu l-kantant ewlieni flimkien mal-grupp tiegħu. Il-kummenti fuq il-midja soċjali matul din il-ġimgħa juru li l-istil allegruż tagħhom laqat lit-telespettaturi.
22:35 - Greċja ilha mill-bidu nett waħda fost il-favoriti u llejla Amanda tat prestazzjoni memorabbli, bi sfond u palk mżewwaq b'mod sempliċi iżda effettiv. Il-vuċi ta' Amanda kienet kemxejn inqas soda mis-soltu f'xi mumenti llejla, iżda l-interpretazzjoni ta' Die Together jidher li ntlaqgħet xorta waħda mill-udjenza.
22:24 - L-emozzjoni f'leħen il-kantant Nadir mill-Ażerbajġan huwa fenomenali u ċar daqs il-kristall. Palk mingħajr xenxilli żejda, iżda l-props li użaw ħadmu perfettament mal-kanzunetta! Il-kanzunetta Fade To Black ħarġet it-talent tal-kantant u llejla tana prestazzjoni mimlija passjoni immensa!
22:21 - Monika Liu għal-Litwanija ħolqot sentiment akbar minn qatt qabel kemm bil-vuċi passjonali tagħha kif ukoll bl-istil tal-kanzunetta tagħha Sentimentai. Ippreżentat ruħha b'dehra eleganit għall-aħħar, u l-atmosfera fuq il-palk bid-dwal u l-viżwali li għażel il-kontinġent Litwaniż, ikkumplimenta l-prestazzjoni ta' Monika.
22:16 - Il-Ġermanja bagħtu kanzunetta b'messaġġ li jolqotna wkoll bi stil versatili għall-aħħar. Mill-bidu nett li tħabbar ir-rebbieħ, il-pajjiż ma kinitx fost il-favoriti nett, iżda wara llejla l-udjenza jidher li rrelataw ħafna mal-kantant u ħassew l-emozzjoni fl-interpretazzjoni. Tgħid ħa narawha fuq quddiem fil-klassifika lill-Ġermanja bil-kanzunetta Rockstars?
22:11 - Ħafna qed jgħidu li hi kollha simpatija... imma huwa fatt li l-Ukrajna huma fost il-favoriti din is-sena! Nistgħu ngħidu li llejla Kalush Orchestra reġgħu taw konferma ta' dan bil-prestazzjoni onesta u passjonali tal-kanzunetta Stefania. Fil-fatt il-kanzunetta hi indirizzata lill-figura tal-omm. Il-grupp Ukren jirringrazzja lill-Ewropa tal-appoġġ u imħabba li qed juri lejn in-nazzjon f'dan il-mument diffiċli. L-elementi tradizzjonali fl-istil jispikkaw għal darb'oħra fil-kanzunetta Stefania
22:07 - Kanzunetta bi stil iżjed kalm u emozzjonali għall-Olanda, De Diepte, interpretata minn S10. Dan hu pajjiż ieħor li kontinwament qed jiġi meqjus wieħed mill-favoriti ta' din is-sena. Illejla S10 tatna prestazzjoni mimlija passjoni u emozzjoni, u l-melodija hi waħda li faċilment tidhra u kważi tkanta magħha.
22:00 - Spanja, Spanja, Spanja! Jidher li kif mistenni l-kantanta Chanel faqgħet sala bil-prestazzjoni kkulurita tagħha tal-kanzunetta SloMo! L-udjenza ma waqfetx tgħajjat u tkanta u taqbeż mal-kantanta u ż-żeffiena komplew ikkomplimentaw l-ispettaklu. Tgħid għal Spanja fl-2023?
21:59 - L-Italja din is-sena bagħtu lil Mahmood u lil Blanco. Mahmood qabel ma' Maneskin rebbħu lill-pajjiż, kien wasal fit-tielet post! Din is-sena huwa wieħed mill-favoriti flimkien ma' Blanco... tgħid għall-Italja erġajna fl-2023?
21:50 - Għal darb'oħra Prestazzjoni onesta mingħand Rosalinn mill_Armenja, u li żgur qanqlet interess kbir. Filli qed naraw lill-kantanta tkanta b'qisu ħajt mimli karti warajha, u li bdiet tneħħi minnhom mal-ħin, u filli ħarġet tkanta minn ġo ċirku, wiċċha lejn l-udjenza. Spettaklu li żgur se jżid iċ-ċansijiet tal-Armenja li jiġu fuq quddiem! Il-vuċi ta' Rosalinn ma fihiex xi tmaqdar lanqas.
21:44 - Give That Wolf A Banana qallek! In-Norveġja din is-sena minnufih qanqal interess, għax malli tisma' t-tilu, u d-dehra tal-grupp, mall-ewwel tinnota xi ħaġa stramba. Nistgħu ngħidu li Subwoolver tawna spettaklu grandjuż, li ċertament mhux ser jintesa. Nistgħu ngħidu li lin-Norveġja hemm probabilta kbira li narawhom fuq quddiem illejla!
21:41 - Franza huma fost l-awtofinalisti tal-Eurovision kull sena, u s-sena l-oħra kważi rebħu l-kompetizzjoni. Din is-sena bi stil kompletament differenti, u rnexxielhom iqajmu lill-udjenza bl-enerġija tagħhom. Il-kanzunetta Fulim nistgħu ngħidu li għandha ċans tinżel tajjeb ma' ħafna nies.
21:36 - Marius Bear jagħti prestazzjoni mimlija emozzjoni tal-kanzunetta Boys Do Cry għall-Isvizzera. Il-vuċi hi xhieda tal-messaġġ onest tal-kantant hekk kif jinterpretaha b'passjoni kbira. L-atmosfera fuq il-palk hi serena li tmur perfettament mal-kanzunetta.
21:31 - Fis-semifinali tal-Ħamis l-Finlandija fetħu l-ispettaklu tal-lejla b'enerġija u qawwa kbira! Dan l-istil jinżel tajjeb ħafna drabi fil-Eurovision Song Contest, u din is-sena xejn inqas. L-udjenza tat rispons pożittiv għall-aħħar għall-prestazzjoni ta' The Rasmus bil-kanzunetta Jezebel.
21:29 -Għall-Portugal il-grupp Maro tawna prestazzjoni mimlija armoniji mill-isbaħ tal-kanzunetta Saudade. Il-prestazzjoni kienet sempliċi għall-aħħar, iżda hemm ċans li llejla daħlu fil-qlub ta' ħafna.
21:24 - Il-kantant mir-Rumanija tana daqsxejn ta' prestazzjoni li bla ma trid iġġiegħelek tiżfen magħha! Stil li jinżel tajjeb ma' ħafna, u kanzunetta li probabbilment tibqa' tkanta r-ritornella tagħha sal-aħħar tas-serata. Il-kantant kien akkumpanjat minn żeffiena kariżmatiċi li kkumplimentawlu l-prestazzjoni flimkien mal-viżwali għall-kanzunetta Llamame.
21:17 - We Are Domi jiftħu s-serata tal-lejla bl-iktar mod enerġetiku u brijjuż bil-kanzunetta Lights off! Ir-risponsa tal-udjenza huwa ta' barra minn hawn! Ċertament li l-grupp ta pjaċir għal darb'oħra u faqa' sala, kif jgħidu!
21:12 - Tiftaħ l-ispettaklu bil-vuċi tagħha Laura Pausini b'uħud mill-aqwa kanzunetti klassiċi, fosthom Solitudine! X'atmosfera u x'rispons qawwi mill-udjenza!
Ritratt: Facebook/ Eurovision Song Contest
21:05 - Illejla 25 pajjiż ser ikun qed jikkumbatti biex jirbaħ it-trofew u t-titlu tar-rebbieħ tal-Eurovision 2022.
21:00 - Id-disa'! Wasalna għas-serata finali tal-Eurovision Song Contest 2022 ġewwa Turin! Ftuħ spettakolari bħal dejjem, u bdejna minnufih ingawdu minn brijju, vuċijiet stupendi, żfin, viżwali tal-ġenn, enerġija u fuq kollox... mużika!