Il-Familja Li Kulħadd Ħabb Il-Weekend Li Għadda

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, Dar il-Mediterran inbidlet fil-post li wieħed seta’ jżur waħda mill-aktar familji popolari ta’ kull żmien… The Family Addams. Il-produzzjoni imtella’ minn Arthuas kienet waħda mill-aqwa li ħakmet l-attenzjoni ta’ kull min attenda xi waħda mis-serati li ttellgħu fi tmiem il-ġimgħa.





Is-set, id-direzzjoni, il-kostumi u l-mużika kienu lkoll brillanti, b’koreografija li tikkumplimenta, mhux sfurzata u pjottost naturali. Dan kollu, flimkien ma’ kant u reċtar mill-aqwa żgur li għamel l-esperjenza tal-udjenza waħda li żgur li ma jinsewx. Kienet produzzjoni li bla dubju ta’ xejn laħqet livell internazzjonali.

Id-direzzjoni artistika kienet fdata f’idejn Lucienne Camilleri, id-direzzjoni mużikali kienet f’idejn Ryan Paul Abela, il-produzzjoni eżekuttiva kienet f’idejn Stefania Grech Vella li kienet waħda mill-kantanti fil-pit u ħadet ħsieb ukoll il-kostumi. Dawn it-tlieta kellhom tim sħiħ warajahom f’dixxiplini varji li assiguraw li kollox jimxi kif suppost!



Roger Tirazona kellu l-parti ta’ Gomez Addams, parti li donnu kien imwieled li jagħmel. Roger mhux wiċċ ġdid fil-qasam lokali, rajnieh jibrilla flimkien ma’ Trilogy fil-Malta Eurovision u ta’ spiss narawh fi produzzjonijiet oħra lokali. Il-parti ta’ Gomez Addams nistgħu ngħidu li qaxxarha mill-bidu sal-aħħar, l-udjenza żgur li daħket miegħu u tħassritu meta spiċċa f’pożizzjonijiet skomdi tul is-serata.

Nikki Vella għamlet il-parti ta’ Morticia Addams u nistgħu ngħidu li kienet oħra li brillat fil-parti. L-esperjenza barra minn xtutna tul is-snin żgur li għenet lil Nikki biex fuq il-palk toħroġ b’kunfidenza liema bħalha u tinterpreta wieħed mill-aktar karattri sinonimi ma’ din il-produzzjoni bl-aħjar mod possibbli.

Wiċċ ieħor li mhux ġdid għax-xena lokali tal-musicals kien dak ta’ Nadia Vella. Nadia Vella interpretat il-parti ta’ Wednesday Addams, parti li donnha kienet miktuba għaliha. Il-kant u r-reċtar ta’ Nadia kien wieħed spettakolari u l-udjenza tista’ tgħid ħasset l-emozzjonijiet ta’ Wednesday mill-bidu tal-aħħar.

Impossibbli li ssemmi lil kulħadd imma Noel Zarb fil-parti taz-ziju Fester u Niki Perry fil-parti ta’ Pugsley kienu wkoll b’saħħithom. Il-kast kollu kien wieħed b’saħħtu u nistqarr li kien possibilment wieħed mill-aqwa kast li qatt rajt, fejn kull attur daħal fil-parti tiegħu u vera xerqitlu dik il-parti.

Ħafna jgħidu li mhux faċli bir-riżorsi limitati li għandna f’pajjiżna li ttella’ produzzjoni ta’ livell, iżda Arthuas fl-opinjoni tiegħu wrew li b’kreattività, determinazzjoni, xogħol u ħinijiet twal ta’ provi, il-livell meħtieġ kapaċi jintlaħaq.

Facebook / DanielM Photography

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI