Il-fakulta tal-mediċina fl-Universita ta’ Malta qed issellem il-memorja ta’ Ms Carmen Briffa, mara li għal 35 sena kienet qed tgħin lill-fakulta bħala inviġilatur.
Huma kitbu fuq il-paġna tagħhom, “B’dieqa kbira qed inħabbru li Ms Carmen Briffa marret tiltaqa’ mal-Mulej. Ms Briffa ilha tgħin lil din il-fakulta bħala inviġilatur għal 35 sena. Il-fakulta hi grata għad-dedikazzjoni u l-lealta’ ta’ Ms Briffa, kontinwament tgħin il-fakulta fil-bżonnijiet kollha. Dejjem se niftakruha għall-ispiritwalita’ tagħha, it-tbissima u l-attitudni pożittiva tagħha, u l-kliem ta’ inkoraġġiment tagħha lil kull min kellu bżonnhom.”
Huma komplew, “Hekk kif naċċettaw it-telfa tagħha, nirringrazzjaw lil Ms Briffa talli ħalliet marka fuq is-servizz tal-inviġilaturi, dawk kollha li kellhom il-privileġġ li jiltaqgħu magħha, u f’qalbna. Se nimmissjawha ħafna u qatt m’aħna se ninsewha.”
Quddiesa biex tiċċelebra l-memorja tagħha ġiet iċċelebrata llum fis-sagħtejn ta' waranofsinhar, fil-Knisja San Ġużepp Ħaddiem Birkirkara. Inżommu lilha, il-qraba u l-ħbieb tagħha fit-talb tagħna.
Facebook / University of Medicine and Surgery - University of Malta