Jidher li din l-imxija ħalliet impatt fuq l-artisti Maltin tant li smajna numru ta' kanzunetti li ġew imnebbħa minn din l-imxija. Ngħiduha kif inhi, ħafna aktar nies għandhom ħin sabiex jużaw it-talent tagħhom u jkunu kreattivi f'dawn iż-żminijiet.

Ilbieraħ, proprju f'jum l-Għid ħarġu żewġ kanzunetti minn kantanti Maltin li ġew imnebbħa mis-sitwazzjoni preżenti. L-ewwel waħda hija kanzunetta bil-Malti bl-isem ta' Hu Ħsieb Moħħok Hemm b'lirika ta' Alfred C. Sant u interpretata minn David & The Elites. Messaġġ sabiex wieħed joqgħod attent f'dawn il-ġranet u fl-istess hin hi riflessjoni ta' dak kollu li għaddej ġewwa pajjiżna.

Kanzunetta oħra li ħarġet hija bil-lingwa Ingliża, din id-darba mill-kantanta żagħżugħa Krista Sujak. Il-kanzunetta li ħarġet Krista fuq kliem u mużika tagħhas stess iġġib l-isem ta' HOPE, Hold On Pain Ends. Din hi l-ewwel kanzunetta li t-tfajla żagħżugħa kitbet. Permezz ta' din il-kanzunetta, Krista tixtieq twassal messaġġ ta' tama, sabiex ma naqtgħux qalbna għax għad jasal żmien sabiħ.

Kif tgħaddi din is-sitwazzjoni ħa jkollna katalgu żgħir ta' kanzunetti imnebbħa minn din is-sitwazzjoni. Nistennew u naraw jekk fil-ġranet li ġejjin għadx naraw aktar kanzunetti imnebbħa minn dak li hu għaddej bħalissa ġewwa pajjiżna.


Emil Calleja Bayliss