Cassar ippreżentat b’suċċess għal darb'oħra fuq ONE. Hawn issibu intervista ma’ dawn iż-żewġt aħwa u l-kurżitajiet mhux se jonqsu dwar l-edizzjoni ta' din is-sena.
X’ħeġġiġkom tidħlu għal din l-edizzjoni ta’ Liquorish?
Biex inkunu onesti, Il-Boċċ kien l-aktar wieħed minna li kien isegwi l-programm u joħlom li xi darba jkun parti minnu. Minn dejjem ħsibna li hu programm interessanti u l-isfidi u l-logħob li jsiru waqt l-avventura dejjem qanqlulna ħafna kurżità dwar x’jiġri fil-verità waqt l-avventura.
Aħna aħwa inseparabbli u nagħmlu kollox flimkien. Nidhru differenti ħafna imma dejjem issibna flimkien, allura ddeċidejna li nidħlu għaliha bħala tim wieħed. Konna tlabna lil Liquorish speċifikament biex jew jagħżilna flimkien jew ma niħdux sehem.
Ritratt: Facebook / Il-Boċċ U Il-Booster
Kif ħejjejtu ruħkom għall-parteċipazzjoni tagħkom għal din l-avventura fil-programm?
It-tnejn kellna perspettiva differenti lejn din l-avventura. Id-diffikultajiet tagħna kienu differenti minn ta’ xulxin. Il-Boċċ daħħalha f’moħħu li jrid jonqos mill-piż. Liquorish, infatti tul il-programmi, wera ritratt ta’ meta l-piż kien ħafna aktar. Il-Booster għandu problema kbira fuq l-ikel għax ma jħobb xejn. Flimkien iddeċidejna li naħdmu fuq dawn id-diffikultajiet biex inkunu lesti għal din l-avventura.
L-ebda ħadd u xejn ma jista’ jippreparak għal dak li veru ser issib waqt li qed tgħix Liquorish. Konna mmorru nimxu ħafna fit-tul bil-backpacks fuq daharna biex nidraw id-diffikultà li ġġorr ħafna piż. Konna nagħmlu dan ħafna drabi biex nidraw it-trekking boots u kollox. Il-Booster ipprova jiekol ikel differenti milli jħobb hu biex ma jiħux xokk kif ikollu jgħix bl-ikel li jipprovdi Liquorish.
Liema huma l-aktar memorabbli għalikom mill-avventura f’Liquorish?
Lanqas nafu minn fejn se naqbdu nibdew. Għalina l-avventura bdiet daqsxejn aktar diffiċli, għaliex Liquorish talabna biex intellgħu basket wieħed bejnietna ftit minuti qabel qbadna l-ajruplan minn Malta. Aħna nħobbu l-karozzi, allura il-fatt li kellna nsuqu, u speċjalment naraw ħafna annimali li qatt ma konna rajna qabel, kienet emozzjonanti ħafna.
Diffiċli nsibu mumenti speċifiċi għaliex kuljum konna nagħmlu xi ħaġa differenti. It-trekking fuq il-muntajna emozzjonana b’mod u meta morna nilagħbu mat-tfal tal-lokal emozzjonana b’mod ieħor. Bla dubju t-tribù nibqgħu niftakruh bħal ħafna mumenti oħra li mhux se ninsew.
Ritratt: Facebook / Il-Boċċ U Il-Booster
Kien hemm xi mument partikolari li ħassejtkom qed taqtgħu qalbkom?
Ħafna mumenti, għaliex tkun kemm tkun għajjien, trid bilfors tkompli. Naħseb li din kienet favurina. Il-fatt li konna aħwa flimkien stajna nifhmu aktar lil xulxin. B’ħarsa konna niftiehmu u l-fatt li taf li konna hemm għal xulxin, għenet ħafna. Il-grupp kien magħqud u flimkien konna ngħelbu kull sfida li kien jagħtina Liquorish.
Mument li nibqa’ niftakar kien meta kellna mixjiet bil-backpack tagħna li kien tqil xi 25 kilo għaliex kien hemm l-affarijiet tagħna it-tnejn, il-muntanja ma riedet tispiċċa qatt u r-roti ukoll offrew sfida diffiċli. Waqt il-hitchhike ikun hemm mumenti fejn tħossok ser iċċedi imma ma jkollokx għażla oħra ħlief li tkompli.
Kontu temmnu li se taslu biex tirbħu din l-edizzjoni ta’ Liquorish?
Lanqas qatt. Fil-verità kienet ix-xewqa tagħna li nirbħu din l-edizzjoni għaliex huwa unur li tkun wieħed mir-rebbieħa. Aħna għandna ħafna ħbieb u mill-ewwel ħassejna l-appoġġ tal-qraba u tal-ħbieb. In-nies mid-dar kienu jiggustaw il-fatt li aħna differenti ħafna imma ma noqogħdux mingħajr xulxin. Kuntenti mmens li għamilna l-avventura u, aktar u aktar, li rbaħnieh.
Ritratt: Facebook / Il-Boċċ U Il-Booster
Taħsbu li l-avventura f’Liquorish b’xi mod biddlitlilkom ħajjitkom?
Tgħallimna ħafna. L-aktar waħda li nsemmu hi li l-Bosster issa beda jiekol ħafna ikel varjat. Esperjenza bħal din hija qawwija ħafna u ġġiegħlek titgħallem u taffronta problemi b’aktar serenità. Il-kultura differenti tgħinek tirrealizza kemm id-dinja hija kbira u kemm toffri affarijiet sbieħ. Fl-affarijiet ta’ kuljum titgħallem tieħu ħsieb aktar ta’ dak kollu li ngħixu bih u titgħallem ukoll taprezza aktar il-qraba u l-ħbieb.
Xi pjanijiet għandkom issa li ntemmet din l-avventura?
Kif għedna qabel, aħna nħobbu ħafna l-karozzi u t-tieni ħolma tagħna kienet li mmorru l-Ġappun. Kull min iħobb il-karozzi bħalna jifhem kemm dan il-pajjiż joffri affarijiet differenti. Diġà bdejna nippreparaw kollox għaliex kieku ma ġejniex magħżulin għal Liquorish, konna se mmorru hemm. Se nagħmlu din l-esperjenza waħedna, għal rasna. Issa nħossuna preparati għal kollox grazzi għal Liquorish.
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.