Dawn it-tnejn ilhom ħbieb bejn sentejn jew erba’ snin. Staqsejna lit-tnejn li huma imma ma qablux! L-isfidi bejn dawn it-tnejn bdew fis-sajf li għadda.

Rowen sfida lil Kevin biex jagħmel mossa bil-ballun. Jekk ma jirnexxilux kellu kastig aħrax! Imur ibigħ il-frawli għal siegħa ġo roundabout. Rowen staqsa lill-pubbliku jekk Kevin jirnexxilux jagħmilha, b’91% tal-pubbliku qalulu li Kevin kien ser jirnexxielu. Imma Kevin kemm hu sportiv?

Kevin qalilna: "Meta kont żgħir kont nilgħab il-futbol. Għamilt żmien ma’ Malta u mal-Ħamrun. Illum il-ġurnata kieku tgħidli kemm int ‘fit’ ngħidlek li mhux tajjeb. Imma sportiv ħafna. Kull sport nieħu pjaċir u nkun tajjeb. Vera kont nilgħab il-futbol, imma l-isfidi li jagħtini xorta diffiċli ħafna! Mhumiex sempliċi!"

Ritratt: Clint Gerald Attard

Kevin irnexxielu wara ħafna tentattivi u issa kien imiss hu! Sfida lil Rowen pubblikament fuq il-profil tiegħu ta’ Instagram biex idoqq il-kitarra. Issa Rowen qatt ma qabad kitarra b’idu! B’hekk ried jiddobba kitarra f’24 siegħa u jitgħallem idoqqha.

Rowen ċempel lil Ivan tal-band popolari Red Electrick u talbu biex jgħallmu jdoqq. Wara li Ivan kien donnu qata’ qalbu, Rowen jirnexxielu jdoqq biċċa minn Another One Bites The Dust tal-grupp leġġendarju Queen u b’hekk ħeles mill-kastig!

Ritratt: Clint Gerald Attard

Li kieku ma rnexxilux, kontu taraw lil Rowen ikanta f’Tas-Sliema u jiġbor il-flus qisu busker. Ħasra kbira għax kien ikun artiklu bomba fuq gwida.mt! Meta staqsejna lil Kevin x’jaħseb minn Rowen bħala kitarrist. Ir-risposta kienet ċara: "Ħażin mejjet!"

Allura kif iddeċidew li jibdew dawn l-isfidi? Rowen qalilna li "peress li jien u Kevin għandna karattru li nħobbu nferrħu lin-nies, konna tkellimna biex forsi nibdew nagħmlu xi ħaġa li anka n-nies jistgħu jintegraw magħna."

Meta lil Kevin staqsejnieh meta ħa naraw xi ħaġa oħra qalilna: "Dalwaqt ġejja sfida għal Rowen u ser tkun oħra bil-kitarra!" Meta staqsejna x'għandhom komuni qalulna: "Aħna dejjem nidħku! It-tnejn pożittivi! Life is fun! Meta nkunu flimkien nikumplimentaw lil xulxin!"

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Ritratt: Clint Gerald Attard


Anthony Baldacchino