Kull min għandu għall-qalbu l-letteratura, l-istorja u dak li hu Malti ċertament japprezza x-xogħol wara l-produzzjoni lokali Għażiż Francis. Produzzjoni b'saħħitha li tixħet dawl fuq ħajjet Francis Ebejer u l-istejjer li ħoloq tul is-snin.

Produzzjoni li għandha tolqot kemm lil dawk li jagħfu x-xogħol ta' dan il-kittieb u anke lil dawk li forsi mhux daqstant familjari ma' xogħlu. Ir-raġuni hija li x-xogħol tiegħu hu wieħed b'saħħtu u jekk m'intix daqstant familjari miegħu, se jkollok iċ-ċans li tiskopri aktar u forsi tmur tfittex u taqra aktar mix-xogħlijiet tiegħu.

Xi ħaġa differenti li wieħed jiltaqa' magħha f'din il-produzzjoni mingħajr ma niżvelaw wisq, hi li din tibda minn xħin int tidħol fit-teatru. Ix-xogħol tal-atturi jibda mill-ewwel, hekk kif ikunu qed iduru mat-teatru jirrakkontaw u jaqsmu stejjer varji.

Id-direttur Peter Busuttil, b'għaqal kbir juża t-Teatru Manoel kollu għal dan l-ispettaklu. Mill-gallerija, sal-platea u ovvjament anke l-palk. Esperjenza kemxejn unika li nemmen li esperjenzajtha għall-ewwel darba f'dan it-teatru.

Fil-partijiet prinċipali nsibu lil Davide Tucci u lil Sean Borg. Żewġ atturi li għandhom ħafna u ħafna x'joffru, magħhom jingħaqdu tnax-il attur ieħor, li jgħinu biex isaħħu r-rakkont flimkien mal-istejjer.

Diffiċli biex ma tapprezzax il-bravura, il-versatilità u l-professjonalità li jwassal biha kull karattru Davide Tucci. Biċċa xogħol mill-aqwa li tħallik kurjuż tul il-produzzjoni biex tarah jinbidel f'karattri varji.

Għażiż Francis fetħet ilbieraħ fit-Teatru Manoel u għanda rappreżentazzjoni oħra llum. Nissuġerulek li jekk għandek ċans tattendi, ħa tifhem iktar il-bravuri ta' dan il-kittieb. Kittieb li ħalla warajh wirt imprezzabbli.


Emil Calleja Bayliss