Fuq il-gruppi ta’ Facebook qed ikun hemm ħafna ilmenti dwar kif mingħajr sptar tal-annimali li jopera 24/7, ħafna ħajjiet tal-annimali jinsabu fil-periklu. Sfortunatament, l-aktar storja riċenti hi dik ta’ Danny.
Danny kien kelb adottat, dejjem b'saħħtu u qatt ma kellu problemi ta' saħħa. Kien iħobb lil kulħadd, speċjalment lit-tfal.
Fis-26 ta’ Novembru, is-sidien tiegħu ħaduh mixja, iżda wara tilef il-kontroll u ma setax joqgħod fuq saqajh. Mingħajr telf ta’ ħin, ħaduh għand veterinarju fejn diversi testijiet urew li kollox kien normali minkejja li dehru xi sinjali mhux ordinarji ta’ taħbit il-qalb. Madankollu, Danny irremetta waqt li kien taħt osservazzjoni għal tliet sigħat, fejn il-veterinarju insista li Danny jinġabar fid-9pm, għax ma joffrix servizzi bil-lejl. Dan juri li f’Malta m’hawn ħadd li jżomm annimali bil-lejl lanqas għall-osservazzjoni jew testijiet bħal ma hawn għan-nies.
Danny kien dgħajjef ħafna wara. Għall-ħabta tal-11pm, beka u għamel moviment f’daqqa li kien qisu arrest kardijaku u waqa’ mingħajr enerġija. Is-sidien ippruvaw iċemplu lill-Assoċjazzjoni Veterinarja ta’ Malta kemm-il darba iżda għalxejn.
Ippruvaw l-isptar Ta’ Qali mindu raw id-dwal mixgħula, madankollu l-isptar ilu magħluq għal aktar minn sena. F’ħin ta’ disperazzjoni, huma ċemplu l-ewwel veterinarju li minkejja li qallhom li ma joffrix servizz bil-lejl, aċċetta li jerġa’ jara lil Danny. Fi triqithom lejn il-veterinarju, Danny sofra arrest kardijaku ieħor, u kien fatali.
Is-sidien qed jistaqsu li kieku kien hemm għajnuna professjonali 24/7, l-istorja jaf kienet tkun mod ieħħor. Qed iqajmu kwistjoni minn din l-esperjenza biex ħadd ieħor ma jgħaddi minn dak li għaddew minnu huma.