Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook, Ftit Minn Kollox, għal darb’ oħra qasmu storja li ta’ min jirrifletti ftit fuq il-messaġġ tagħha.
Bdew billi qalu, “Kelli diskussjoni man-nannu fuq il-valur tal-ħajja. Iżda ħin minnhom semmieli li hemm diversi modi kif titlifha ħin qabel il-waqt. Ma fhimtx, u tlabtu jġibli eżempji. Huwa qalli: "Il-ħajja tista' tintilef b'ħafna modi differenti. Titlifha meta tkun tixtieq tgħix ħajja ta’ ħaddieħor u mhux tiegħek. Titlifha billi tikkritika l-iżbalji ta’ ħaddieħor, mingħajr ma tara tiegħek."
Żiedu jgħidu, “Titlifha meta tilmenta dwar falliment li kellek u ma tfittixx soluzzjonijiet biex tirnexxi. Titlifha meta tqatta’ l-ħin tiegħek tgħir għal ħaddieħor mingħajr ma tipprova ttejjeb lilek innifsek. Titlifha meta tiffoka fuq l-affarijiet negattivi u tieqaf tgawdi dawk pożittivi." Għedtlu kemm kellu raġun! Għax il-ħajja ma tintilifx biss meta tieqaf tieħu n-nifs, imma meta tieqaf tkun ferħan.”