Abigail Vick, tfajla li spiss tħobb taqsam mumenti minn ħajjitha u ħsibijiet tagħha fuq il-midja soċjali, illum iddeċidiet li tagħmel filmat titkellem ftit biex tagħmel kuraġġ lil min għaddej minn mument diffiċli.
Hi qalet, “Illum staqsejt lili nnifsi meta ħa jasal dak il-punt meta jiena ngħid irnexxieli, irnexxieli qiegħda fejn xtaqt? Kienet mistoqsija iebsa għax tant hawn affarijiet jiġru madwarna, affarijiet differenti, mhux faċli ssib punt wieħed f’ħajtek li tgħid irnexxieli wasalt. Bqajt nhewden, ġejt id-dar u ktibt dak kollu li ħassejt.”
Hi qrat dak li kitbet minn karta f’idejha, “Għalija nirnexxi mhix biss li nilħaq l-għanijiet tiegħi, nieħu l-premijiet jew ikolli suċċess finanzjarju għalkemm dawn kollha huma affarijiet sbieħ. Jiena ngħid li verament irnexxieli meta nqum filgħodu u nħossni grata għal dak kollu li għandi, li nħares fil-mera u nħobb lili nnifsi eżatt kif jien. Għalija ngħid verament irnexxieli meta nkun naf eżatt min jien bit-tajjeb u l-ħażin u nkun kuntenta b’dik il-persuna.”
Hi kompliet issemmi bosta mumenti oħra li jġiegħluha tħossha li rnexxiet fil-ħajja, u kitbet ukoll biex takkumpanja l-filmat, “Il-ħajja ħafna drabi tħossha bħal tfittxija bla tmiem għal aktar – aktar suċċess, aktar rikonoxximent. Anke meta niksbu l-għanijiet tagħna, spiss nibgħqu nħossu li hemm iktar xi jsir. Imma forsi rridu nitgħallmu ngħidu, wasalt. Dan biżżejjed. Il-mument li tgħid jien biżżejjed hu l-mument li tħoss il-paċi ġewwa fik u tirrealizza li l-valur tiegħek ma jiddependix minn kemm tagħmel u x’jgħid ħaddieħor dwarek, imma min int.”
Nirringrazzjaw lil Abigail talli qasmet magħna mument tant diffiċli f’ħajjitha u użatu biex tagħmel kuraġġ lil ħaddieħor.
Instagram / Abigail Vick