Kmieni dalgħodu qsamna dak li qal il-Viċi-Sindku tal-Belt Valletta, fejn qasam l-istorja ta' missier li talab għall-ikel sabiex iwassal sakemm tidħollu l-paga li jmiss. Fuq il-paġna tagħna sid ir-restorant Anglo-Maltese fi Triq Il-Merkanti, l-Belt Valletta kiteb, "ikollok każ ġenwin ibgħathom il-ħanut jieklu."
Messaġġ li qajjem reazzjoni pożittiva fuq il-paġna tagħna. Aktar minn 300 persuna ħalliet like jew qalb fuq il-messaġġ filwaqt li diversi nies faħħruh għal qalb tajba li għandu. Oħrajn qalu li dejjem hemm biex jgħin lil min għandu bżonn. Kien hemm saħansitra min staqsa, "Ħabib, fejn hu l-ħanut ħalli meta noħroġ niekol bil-familja niġu hemm! Kellu bżonn kulħadd bħalek."
Persuna oħra esprimiet is-sentiment ta' ħafna fejn kitbet, "Int qalbek tad-deheb u raġel kbir, jalla l-Bambin jippremjak b’aktar saħħa u ġid ħabib." Nieħdu gost naraw li dak li jkun lest jgħin f'każijiet ġenwin mill-ftit li jista'.
Il-Viċi-Sindku Ray Azzopardi kmieni llum kiteb, "Aħna l-aqwa pajjiż fid-dinja. Kieku nneħħu il-piki żejda bejnietna, kieku nsiru l-aqwa poplu li ħalaq Alla. Grazzi lil dawk kollha li tawni provista tal-ikel għal dak il-missier li tlabt l-għajnuna għalih. Illum niġbru u nqassmu kollox."