Ħudu nota fil-kalendarji tagħkom għal ŻiguŻajg - il-Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, li qed jirritorna għall-14-il sena tiegħu! Bejn il-15 u l-24 ta’ Novembru 2024, il-Belt Valletta se tieħu l-ħajja b’ċelebrazzjoni ta’ kreattività u skoperta kulturali mmirata lejn it-tfal u ż-żgħażagħ. Il-festival ta’ din is-sena mhux biss iwiegħed spettakli dinamiċi iżda wkoll attivitajiet li ċertament se jqanqlu l-imaġinazzjoni u jispiraw il-kurżità f’udjenzi ta’ kull età.
Rikonoxxut bħala l-akbar festival internazzjonali għal udjenzi ta’ etajiet iżgħar f’Malta, ŻiguŻajg - il-Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ joffri pjattaforma unika biex l-udjenzi tagħna jinvolvu ruħhom mal-arti b’modi innovattivi u mhux tas-soltu. L-edizzjoni li jmiss se jkollha għażla diversa ta’ teatru, żfin, mużika, films, arti viżiva, u installazzjonijiet interattivi, li kollha ġew magħżula bir-reqqa biex jipprovdu divertiment eċċezzjonali u orjentat lejn il-familja li jolqot ħafna lill-imħuħ tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Enfasi ewlenija tal-festival ta’ din is-sena se tkun serje ta’ workshops siewja ispirati mill-wirja “But I See Beauty and Wonder...” Dawn il-workshops prattiċi, imfasslin għal tfal ta’ bejn is-7 snin u t-13-il sena, se jinkludu artisti ta’ talent minn madwar id-dinja. Il-parteċipanti se jesploraw diversi mezzi artistiċi, fosthom it-tafal, il-fotografija, u l-istampar, li se jittrasformaw il-perċezzjonijiet tagħhom tas-sbuħija u l-kreattività. Pereżempju, t-tfal se jitgħallmu kif jużaw id-dawl biex itejbu x-xogħlijiet tal-arti tagħhom, kif ibiddlu l-biżgħat tagħhom fi kreazzjonijiet tat-tafal sbieħ, u kif jinvolvu ruħhom fit-tpinġija immaġinattiva tal-karikaturi.
Kull workshop, li se jdum sa siegħa u nofs, għandu l-għan li jipprovdi ambjent ta’ appoġġ fejn il-parteċipanti ta’ etajiet iżgħar jistgħu jisfruttaw il-kreattività tagħhom u jiksbu għarfien siewi minn artisti esperjenzati.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li l-programm artistiku eċċezzjonali ta’ din is-sena huwa “mfassal biex jipprovdi esperjenza indimentikabbli għat-tfal u ż-żgħażagħ. Għandu l-għan li jqanqal sens ta’ skop u fehim tas-sbuħija li teżisti f’kull individwu, filwaqt li jħeġġeġ il-mistoqsijiet, ir-riflessjoni, u l-formazzjoni ta’ valuri b’saħħithom. Hekk kif isiru adulti, it-tagħlimiet u l-maġija li jkunu kisbu mill-arti se jarrikkixxu d- dinja bil-kreattività tagħhom u jispiraw lil oħrajn matul il-vjaġġ tagħhom.”
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai kkummenta dwar id-dedikazzjoni tal-festival, u qal, “Inkomplu ninvestu l-ħin u l-enerġija tagħna, sena wara sena, biex niżguraw li dan jibqa’ jikber u jiffjorixxi. Dan il-festival wera li huwa sors ta’ divertiment indimentikabbli, iżda aktar importanti minn hekk, iservi bħala xempju ta’ għarfien għal udjenzi ta’ kull età. Juri b’mod konsistenti t-tifsira profonda tal-arti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, u jagħti lill-ispettaturi ċkejkna tagħna l-opportunità imprezzabbli li japprezzaw u jassorbu d-diversi meravilji li joffri.”
Id-Direttur tal-Festival ta’ ŻiguŻajg Marta Vella enfasizzat id-diversità offruta, u sostniet, “Minn produzzjonijiet teatrali msaħħra għal wirjiet ta’ żfin eċċitanti, minn wirja tal-arti viżiva li tqanqal il-ħsibijiet ġewwa darna fi Spazju Kreattiv għal sessjonijiet interattivi tal-qari tal-istejjer, għażilna bir-reqqa firxa ta’ esperjenzi li se joffru kemm divertiment kif ukoll se jisfidaw l- immaġinazzjonijiet tat-tfal. Il-programm tagħna jirrifletti l-esperjenza kulturali rikka ta’ Malta filwaqt li jħaddan perspettivi diversi u influwenzi artistiċi globali.”
Bl-għażla diversa u bl-impenn tiegħu li jarrikkixxi x-xenarju kulturali ta’ Malta, l-festival mhux biss joffri divertiment iżda jikkultiva wkoll valuri u ħiliet importanti li se jibqgħu mal-parteċipanti għas-snin li ġejjin. Hekk kif qed joqrob il-festival, tiżdied l-antiċipazzjoni għal esperjenza trasformattiva li twiegħed li tħalli impatt dejjiemi fuq dawk kollha li se jattendu.
Għal aktar informazzjoni, biljetti, u aġġornamenti, żur www.ziguzajg.org