Il-band lokali 13 Years Later jirritornaw bit-tielet single tagħhom, Żifna f'Ħolma – l-ewwel kanzunetta tagħhom bil-lingwa Maltija. Il-kanzunetta, proġett li nibtet bla ħsieb flimkien ma’ Sevlania Cumbo, taqbad is-sentiment tal-uġigħ u n-nostalġija li wieħed iħoss meta joħlom dwar xi ħadd maħbub li miet. Fil-ħolma, il-persuna tidher b’mod ċar, u min qed joħlom jerġa’ lura fiż-żmien għal mumenti ta’ ferħ u emozzjonijiet li darba qasmu flimkien. Hekk kif ifakkru fil-passat, isibu ruħhom jiżfnu flimkien, jgħixu mill-ġdid memorji għeżież.

Din il-kanzunetta twassal sens ta’ xenqa, mħabba, u wens temporanju li dawn il-ħolm jipprovdu, filwaqt li ġġib magħha wkoll nostalġija li tfakkar żminijiet ta’ ferħ. Hija riflessjoni qawwija dwar it-telf u r-rabta dejjiema bejn in-nies, anke wara li jkunu ħallewna.

Sevlania Cumbo tgħid, "Dejjem kelli mħabba kbira għall-arti. Minn mindu kont żgħira, kont inħobb inpitter, nikteb il-poeżiji u l-lirika mużikali. Il-familja għandha rwol prezzjuż ħafna f’ħajti. Iżda, kif jaf kulħadd, mas-sbuħija li toffri – billi tgawdi lil dawk li tant tħobb u toħloq memorji magħhom – jiġi wkoll dak li ħadd ma jixtieq jew jistenna: in-niket tat-telfa tagħhom."

"Żifna f’Ħolma ġiet ispirata propju minn viżjoni li kelli f’ħolma dwar l-għażiż ziju tiegħi, Kevin Newell, li ħalliena fl-29 ta’ Ġunju 2023. Iżda kif jgħidu, li jkun imnalla ma jħassru ħadd, għax din is-sitwazzjoni wasslet għal waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti. Grazzi lill-band 13 Years Later – li l-kantanta tagħha hija l-parrina tiegħi, Jeanelle Newell, li hija wkoll it-tifla tar-rispett tal-istess ziju."

Il-kanzunetta ħarġet ilbieraħ, l-10 ta’ Marzu li kien jaħbat għeluq snin Kevin, li kieku kien għadu magħna kien jagħlaq 58 sena. Ta' min ngħidu li 13 Years Later għadhom kemm għalqu sentejn flimkien bħala band. Flimkien ma’ Andrew Muscat u Jeanelle Newell, is-sena l-oħra ngħaqdu magħhom Kristina Perotti u Clifford Smith, li taw kontribut sinifikanti lill-ħoss mużikali tagħhom, kif ukoll direzzjoni friska fejn tidħol il-kompożizzjoni tad-diski.

Fil-verità, il-band tmur lura għas-sena 2010, meta kienu ppruvaw jingħaqdu għall-ewwel darba, iżda l-proġett sfaxxa wara ftit. Madankollu, id-destin ried li tlettax-il sena wara (hawn minn fejn ġej l-isem 13 Years Later), Jeanelle u Drew reġgħu taw ċans lil dan il-proġett – u din id-darba rnexxielhom.

Isimgħu l-kanzunetta billi tidħlu HAWN.


Emil Calleja Bayliss