"L-attur jitwieled u mhux isir. Iltqajt mal-mara Veronica fuq il-palk ukoll." Hekk qal Joe id-Dulli f'intervista li għamel mal-paġna The People of Malta fejn fost l-oħrajn tkellem fuq is-sengħa tiegħu u kif nibtet l-imħabba lejn il-palk.

Waqt l-intervista d-Dulli stqarr li ta' 14-il sena biss beda jaħdem fl-injam ma' missieru iżda ftit taż-żmien qabel, grazzi għal Francis Ebejer beda jagħmel xi xogħol teatrali fl-iskola fejn kien jattendi. Xogħol teatrali li serva ta' ċavetta biex tul dawn is-snin kollha paxxa t-teatri u l-istazzjonijiet televiżivi bit-talenti tiegħu.

Waqt l-istess intervista Joe żied jgħid li għalih il-palk hu kollox tant li kien il-palk stess li laqqgħu ma' Veronica, l-imħabba ta' ħajtu! Hu żied jgħid li fil-ħin liberu tiegħu, isib sodisfazzjoni fit-tkabbir tal-pjanti u l-fjuri fil-ġnien.

Kull min jaf lil Joe Farrugia d-Dulli jaf is-sens ta' pożittivitá li jitrasmetti kull fejn ikun u kien b'dan il-mod li temm l-intervista tiegħu. Hu stqarr li l-ħajja għalih hi sabiħa u li dejjem tagħtih sodisfazzjon differenti!

The People of Malta


Daniel Schembri