Lorinda Mamo, persuna li tħobb taqsam mumenti minn ħajjitha, kemm dawk sbieħ u kemm dawk daqxejn negattivi fuq il-paġna tagħha, kitbet li hi tħossha li hi sinjura iżda spjegat li d-definizzjoni tagħha ta’ din il-kelma mhix dik li biha aħna nifhmu li persuna jkollha ħafna flus.

Hi kitbet, “Id-definizzjoni tiegħi ta’ ‘sinjura’ ma tistax tgħoddha l-bank imma skont dak li nħoss f’qalbi u f’ruħi. Jiena nħossni sinjura għax kelli l-privileġġ li nagħlaq 49 ilbieraħ. Jiena sinjura għax inħossni b’saħħti. Jiena sinjura għax għandi familja li tħobbni. Jiena sinjura għax kellna tant tlajja u nżul iżda għadna hawn. Jiena sinjura għax dak li għaddejna minnu jtini s-saħħa biex inkompli għaddejja.”

Lorinda kompliet tispjega, “Jiena sinjura għax ħassejt biża’ nkredibbli, u ħafna uġigħ li ma stajtx nikkontrolla u dan tani perspettiva dwar x’inhu vera important. Jien sinjura għax għandi ħbieb tajbin u komunita’ sabiħa hawnhekk li jtuni l-appoġġ kemm hawnhekk u kemm fil-ħajja reali.”

Kemm huwa sabiħ li jkollna din il-perspettiva fil-ħajja! Il-kilba għall-flus mhux dejjem ser twassalna għall-ferħ iżda l-imħabba u l-pożittivita’ hija l-mod kif verament nistgħu nħossuna ferħanin.

Instagram / @abirdwithafrenchfry


Gabriella Borg