Spazju Kreattiv ikompli bl-istaġun 2024/2025 ta’ ŻiguŻajg, programm mimli daqs bajda li jinkludi aktar minn 10 proġetti u kollaborazzjonijiet ma’ 35 artist. Dan l-istaġun iwiegħed li jwassal ċelebrazzjoni ta’ kreattività, skoperti u espressjoni artistika tul sena sħiħa lit-tfal, lill- familji u lill-iskejjel. Filwaqt li jibni fuq is-suċċess straordinarju tal-edizzjonijiet preċedenti, ŻiguŻajg ikompli jispira l-imħuħ tat-tfal bit-taħlita magħżula bir-reqqa tiegħu ta’ spettakli, workshops u esperjenzi interattivi mfassla biex iqanqlu u jedukaw l-udjenzi ta’ kull età.

Din is-sena, l-istaġun ta’ ŻiguŻajg jistieden lit-tfal biex jimirħu fi vjaġġi immaġinattivi fit-teatru, fiċ-ċinema u fl-arti. Il-Young Cavaliers Summer Theatre Programme huwa proġett innovattiv li joffri esplorazzjoni immersiva ta’ sitt ġimgħat tal-irrakkontar tal-istejjer, tar-reċtar u tax-xogħol fuq il-palk għal artisti aspiranti li għandhom minn 7 snin ’il fuq. Dan huwa opportunità biex it- tfal jiskopru d-dinja tat-teatru, filwaqt li jibnu l-kunfidenza u l-ħbiberiji tul il-ħajja waqt li jagħmlu dan. Sadanittant, Kids Dig Science ġdid wiegħed li jsaħħar l-imħuħ kurjużi bit-taħlita unika tiegħu ta’ xjenza u arti. Bl-użu tal-pupazzi u spettaklu dirett, dan jesplora temi affaxxinanti bħad-dinosawri, ir-robotika u l-misteri tal-ġenetika, filwaqt li jgħaqqad flimkien l-umoriżmu u x- xjenza bil-mod li ŻiguŻajg biss jaf jagħmel.

L-inklużività dejjem kienet fil-qalba ta’ ŻiguŻajg, u l-produzzjoni ta’ TechRail ta’ dan l-istaġun huwa eżempju ċar ta’ dan l-impenn. Esperjenza multisensorjali tat-teatru mfassla speċifikament għal udjenzi newrodiverġenti, li tgħaqqad flimkien it-teknoloġija, l-irrakkontar tal- istejjer u l-involviment sensorju biex toħloq spazju sikur u maġiku għal tfal ta’ kull età. Avvenimenti interessanti oħra jinkludu rappreżentazzjonijiet intimi bħall-ispettaklu Be Kind, li jintroduċi lit-trabi għall-meravilja tal-akrobazija u l-logħob bil-blalen, u Chasing Rainbows, spettaklu mimli enerġija u interattiv għat-tfal ċkejkin, li se jerġa’ jsir minħabba domanda qawwija.

Il-programm tal-films ta’ dan l-istaġun jinkludi għażla ta’ stejjer maġiċi fiċ-ċinema, magħżula apposta biex it-tfal ikunu jistgħu jgawduhom ma’ familthom. Dawn il-films ċertament se jqanqlu l-immaġinazzjoni, u bl-istejjer ta’ kuraġġ, ta’ ħbiberija jew ta’ avventura tagħhom, se jagħtu l- ħajja lill-karattri, u joħolqu mumenti ta’ ferħ għal kulħadd. Bl-istess mod, il-workshops prattiċi, li jinkludu workshop fejn tista’ tagħmel il-maskri tal-kartapesta, u ŻiguŻajg Art Jam - Summer Bootcamp, jipprovdu ċ-ċans li t-tfal joħolqu, jikkollaboraw, u jieħdu lura d-dar magħhom il- kapolavuri artistiċi tagħhom stess.

Bħal dejjem ŻiguŻajg jgħammar lit-tfal bl-għodda biex jesploraw l-immaġinazzjoni tagħhom, jisfidaw il-perspettivi tagħhom u joħolqu rabta mad-dinja ta’ madwarhom b’modi sinifikanti. Bi spettakli interattivi bħal Kish Kush, li kien imfaħħar ħafna, li jesplora temi ta’ diversità kulturali u empatija, ŻiguŻajg jiżgura li hemm xi ħaġa li tgħodd għal kulħadd, li biha kulħadd jista’ jiddeverti u jiġi ispirat matul is-sena.

L-impenn biex inrawmu l-kreattività huwa mtenni minn Rupert Cefai, Chairperson Eżekuttiv ta’ Fondazzjoni Kreattività, li enfasizza l-importanza li titrawwem l-espressjoni artistika minn età bikrija: “Il-fergħa ta’ ŻiguŻajg hija ċelebrazzjoni tal-potenzjal bla limitu li jinsab f’kull tifel u tifla. Billi nipprovdu opportunitajiet biex it-tfal jinvolvu ruħhom fl-arti, qed ngħinu biex insawru mhux biss udjenzi futuri, iżda ħallieqa futuri li se jmexxu l-ispirtu tal-kreattività ’l quddiem.”

Id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, Daniel Azzopardi, ikkondivida l-viżjoni tiegħu għal dan l-istaġun, filwaqt li enfasizza r-rwol ta’ ŻiguŻajg li jpoġġi l-arti u l-kultura fil-qalba tas-soċjetà Maltija. Huwa spjega, “Permezz ta’ ŻiguŻajg, nagħmlu ħilitna biex inrawmu l-immaġinazzjoni tat-tfal u tal-familji tagħhom, u nuru kif l-arti tista’ tkun sors ta’ ferħ, konnessjoni u ispirazzjoni. Dan l-istaġun jirrifletti t-twemmin tagħna fl-arti bħala l-pedament tal-benesseri, li toffri esperjenzi rikki daqskemm huma divertenti.”

Dan l-istaġun, ħalli lil ŻiguŻajg jieħu lilek u lill-maħbubin tiegħek ġewwa dinja mimlija possibbiltajiet ma jispiċċaw qatt. Ingħaqad magħna fi Spazju Kreattiv għal sena mimlija meravilji, daħk u kreattività. Għall-programm sħiħ, informazzjoni dwar il-prenotazzjoni, u aġġornamenti, żur www.ziguzajg.org.


Gwida.mt