Il-perjodu tal-festi, mimli b'tant pjanijiet u ħafna xiri tal-Milied, jista' faċilment jagħmilna ninsew li l-għażliet tagħna jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq l-ambjent. Għalhekk, hawn huma xi suġġerimenti biex naqsmu l-ferħ tal-Milied b'mod aktar sostenibbli, filwaqt li nagħtu kas tal-ambjent.
Evita l-Ħela tal-Ikel
Ix-xiri ta’ ikel żejjed huwa komuni fil-perjodu tal-festi, imma nistgħu nnaqqsu l-ħela billi nixtru biss l-ammont meħtieġ. Kull ikel li jibqa’ jista’ jiġi kkunsmat aktar tard, inkorporat f’riċetti ġodda, jew iffriżat biex jintuża aktar ‘il quddiem. Dan mhux biss jiffrankalna l-flus, imma jgħin ukoll biex inaqqas l-iskart tal-ikel li jispiċċa mormi.
Għażel Prodotti Li Għandu Ftit Ippakkjar
Meta tagħżel x’tixtri, agħti prijorità lill-prodotti b’inqas ippakkjar jew ippakkjar sostenibbli. L-ippakkjar żejjed mhux biss joħloq aktar skart imma jista' jieħu ħafna snin biex jiddegrada, u b’hekk jagħmel ħsara lill-ambjent tagħna.0
Ir-rigali tal-Milied spiss jiġu ppakkjati b’mod li mhux dejjem jista’ jiġi rriċiklat. Għalhekk, agħżel karti li jistgħu jiġu rriċiklati jew uża materjali alternattivi bħall-basktijiet tal-qoton jew kaxxi li jistgħu jintużaw mill-ġdid.
Għażliet Sostenibbli Fuq Dak li Jintuża Darba Biss
Il-plastik li jintuża darba biss huwa wieħed mill-akbar sfidi ambjentali. Dan mhux biss jniġġes il-baħar u jagħmel ħsara lill-ħlejjaq tal-baħar, imma jiddegrada f’mikroplastiks li jistgħu jispiċċaw ukoll fl-ikel tagħna. Għaldaqstant, dejjem agħżel alternattivi li jistgħu jerġgħu jintużaw, bħal basktijiet tad-drapp u kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew.
Uża L-Basktijiet Li Tista' Tuża U Tibqa' Tuża Meta Tmur Tixtri
Ħu basket miegħek meta tmur tixtri! Mhux biss tagħmel tajjeb għall-ambjent għax qed tnaqqas l-użu tal-plastik, imma wkoll tkun aktar prattika biex iġġorr ix-xirja tiegħek.
Responsabbiltà għall-Annimali Domestiċi
Għandek annimali domestiċi? Ftakar li d-darba li tieħu annimal d-dar tiegħek, tkun qed tieħu deċiżjoni għal ħajtek kollha. Għall-annimali eżotiċi, ir-responsabbiltà hija akbar. Dawn jistgħu jikkawżaw ħsara kbira fl-ambjent tagħna jekk jaħarbu jew jiġu liberati mill-kwartieri tagħhom.
Xi wħud minn dawn l-annimali, bħal ċerti għasafar, jistgħu jaddattaw faċilment għall-klima tagħna u jsiru speċi invażivi, b’konsegwenzi negattivi fuq il-bijodiversità lokali. Huwa għalhekk li l-liġi tipprojbixxi l-bejgħ ta’ speċi invażivi.
Tajjeb ngħidu li l-festi m’għandhomx ifissru spejjeż ambjentali. Billi nieħdu passi żgħar bħal dawn, nistgħu ngħinu nħarsu l-pjaneta tagħna filwaqt li ngawdu żmien il-festi b’mod responsabbli. Ejjew inkunu ta' eżempju tajjeb u nagħtu rigal ta’ futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin!