Il-ħwienet tax-xagħar għandhom l-għażla f'idejhom jekk jaċċettawx li jagħmlu blow dry jew le, infatti numru ta' ħwienet iddeċidew li għalissa ma joffrux dan is-servizz. F'uħud mill-pajjiżi bdew jirrikomandaw li ma jsirux blow dries minħabba s-sitwazzjoni preżenti.

Waqt il-konferenza ta' aktar kmieni llum, il-Professur Charmaine Gauci wieġbet dwar għala d-deċiżjoni tħalliet f'idejn l-istilisti tax-xagħar u jekk dawn għandhomx dritt ma jaċċettawx li joffru dan is-servizz.

Il-Professur Gauci qalet, "bħalissa għaddejja riċerka għaliex l-evidenza ma hiex daqshekk ċara fuq is-sitwazzjoni ta' kemm jiżdied ir-riskju ta' meta inti tkun qed tagħmel blow dry. Irridu nifhmu li meta inti qed tagħmel blow dry qiegħda ddawwar l-arja ta' madwar ir-ras u l-wiċċ tal-persuna allura jekk xi ħadd li għandu s-sintomi ikun jista' qiegħed iferrixha iktar."

Hi żżid, "...kemm hu riskjuż l-evidenza mhiex ċara u għalhekk aħna ma għamilnihiex xi ħaġa li hija mandatorja li ma tistax tuża l-hairdrier u l-blow dries u għalhekk għamilnieha rakkomandazzjoni li ma tkunx użata."

Hi tgħid li l-għażla tħalliet kompletament f'idejn il-hairdressers. Ovvjament wieħed jistenna li jekk ikun hemm akar riċerka fondata, l-informazzjoni ħa tkun qed tingħadda lill-pubbliku u lill-operaturi tax-xagħar.


Emil Calleja Bayliss