It-tim ta' Gwida.mt tkellem mal-kantant  Lawrence Gray. Flimkien miegħu tkellimna dwar xi tfisser għalih u għall-familja tiegħu l-festa tal-Milied kif ukoll dawk l-affarijiet li tant ikunu ħerqana għalihom f'dawn iż-żminijiet. Qtajna xi kurżitajiet ukoll!

Kieku kellek issemmi l-isbaħ Milied ta’ ħajtek, liema jkun? Għaliex?

Ovvjament l-aqwa Milied huwa dak li nqattgħu mal-familja, xi ħaġa li sfortunatament minn meta sirt artist professjonali diffiċli għalija nagħmel, imma nħoss in-nuqqas tas-snin ta’ meta kont tifel, għax dawk kienu l-aqwa snin tal-Milied għalija.

Xi jdaħħlek l-iktar fl-ispirtu tal-Milied?

Dawn is-snin meta ssemmili l-Milied u s-sena l-ġdida, għalija jfisser xogħol. Madankollu ma jgħaddix Milied li ma narax il-film Scrooge u Grinch, biex nidħol fl-ispirtu tal-Milied.

Liema hi l-isbaħ kanzunetta tal-Milied li l-iktar iddaħħlek fl-ispirtu tal-Milied?

Għalija l-aqwa kanzunetti tal-Milied li jġibuni fil-burdata tal-istaġun tal-festi huma tnejn; Last Christmas ta' George Michael u Merry Christmas (War is Over) ta' John Lennon.

L-isbaħ memorja mit-tfulija li għandek għal żmien il-Milied?

L-isbaħ u l-aqwa tifkiriet ta’ meta kont tifel huma dawk ta’ meta konna niltaqgħu mal-familja kollha, jiġifieri ġenituri, zijiet, u kuġini biex niċċelebrawha flimkien. Tistgħu timmaġinaw li aħna bħala familja kbira, kemm kienet pjaċevoli meta naslu biex niftħu r-rigali. Nimmisjaha tassew!

X’inhuma dawk l-affarijiet li tħoss in-nuqqas tagħhom f’dawn iż-żminijiet, li forsi kont tagħmilhom fit-tfulija u issa m’għadekx daqstant, jew inbidlu?

F'dan l-istaġun tal-festi ovvjament l-aktar li nimmisja hija l-preżenza u l-imħabba tal-familja kollha tiegħi. Huwa diffiċli għal artist li jkollok tmur ix-xogħol meta fil-realtà tixtieq tkun id-dar mal-familja.

Kieku kellek tieħu sehem ġo film tal-Milied, x’parti timmaġinak taħdem? Għaliex?

Kif ngħid kull sena, nħobb nara żewġ films biex iġibuni fil-burdata tal-Milied. Kieku ma niddejjaqx naħdem il-parti ta' Jack Frost, kieku qatt ikolli ċ-ċans. Dan għaliex nemmen li llum il-ġurnata bħala missier li jħobb lil ibnu, nixbħu ħafna. Jack Frost jaħdem bħala mużiċist ukoll.

Jgħidu li l-aqwa rigal hu r-rispett u l-imħabba li turi lil ta’ madwarek kuljum, l-affarijiet materjali mhux importanti. Kemm taqbel/ma taqbilx ma’ dan? X'taħseb?

Iva naqbel li l-aqwa rigal tal-Milied li qatt kien hawn u mhux biss fi żmien il-Milied iżda dejjem, huwa li jkollok il-familja kollha tiegħek, il-maħbubin u l-ħbieb qrib tiegħek madwarek ,għax dik hija t-tifsira vera tal-imħabba tal-Milied.

L-isbaħ rigal jew l-iktar ħaġa importanti li _ qatt jista' jkoll_ għall-Milied?

L-aqwa rigal huwa li tkun maħbub, b'saħħtek u ferħan, li żgur huwa l-veru tifsira tal-ħajja. Li jkollok ħafna affarijiet materjali u ma jkollokx dawn it-tliet grazzji fil-ħajja tiegħek, se tħossok vojt minn ġewwa u qisu ma jkollok xejn.

Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtieq tgħaddi lit-telespettaturi u segwaċi tiegħek?

Nirringrazzjakom ilkoll mill-qalb tal-imħabba u l-appoġġ tagħkom matul is-snin u nawgura lil kull wieħed u waħda minnkom l-isbaħ xewqat għal dan il-Milied u s-sena l-ġdida. Ħudu ħsieb lil xulxin u żommu siguri

Grazzi kbira lil Lawrence tal-ħin tiegħu għal din l-intervista. Minn qalbna nawguraw lilu, lil Maronia u lill-familja kollha l-isbaħ xewqat! Nittamaw li kellhom jum mill-isbaħ!


Kyle Zarb