Ta’ kuljum fi triqitha lejn l-iskola Khloe Thompson tiltaqa’ ma’ ħafna nies li jgħixu fit-triq bla saqaf fuq rashom u bla bżonnijiet meħtieġa. L-ewwel istint tagħha kien li tgħinhom. Għalhekk, it-tifla minn Carolina l-Amerika, meta kien għad għandha biss 9 snin, waqqfet għaqda tal-karità li semmietha ‘Khloe Kares’, biex tgħin lin-nisa fil-komunità tagħha.

Bl-għajnuna ta’ bużnannitha Betty, Khloe tħit basktijiet tad-drapp, timliehom b’affarijiet bżonnjużi bħal sapun, xampu, ‘toothpaste’ u ‘deoderant’ u tqassamhom lil dawn in-nisa fil-bżonn. Khloe titħallas b’xi tgħanniqa, tbissima, ringrazzjament jew barka. Xi drabi tirċevihom kollha f’daqqa mingħand l-istess persuna. Għal Khloe l-basket huwa importanti daqs dak li hemm ġo fih. Dan għaliex jekk il-basket ikun tal-plastik jew tal-karti faċli jitqatta’, iżda tad-drapp huwa ferm aktar b’saħħtu u n-nisa jistgħu jibqgħu jużawh għal tul ta’ żmien.

Khloe, li hija tifla dħulija u gustuża, dejjem tintroduċi lilha nfisha qabel ma tgħaddi l-basket lin-nisa. Mara partikolari saħansitra waslet biex qaltilha: “Qed inħossni bniedma mill-ġdid.” Khloe tixtieq twassal il-messaġġ li ħadd m’għandu għalfejn jibża’ minn dawn in-nies, għaliex huma nies bħali u bħalek.

Permezz ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta fil-Belt u l-Mosta, qed jgħin persuni f’sitwazzjonijiet simili jgħixu ħajja aħjar, u jgħinhom iħarsu lejn il-futur b’tama ġdida. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 21236962.


Emil Calleja Bayliss