Ftit huma dawk li jafu li wieħed mill-passatempi ta' Angela Agius hu li tirkeb il-muturi flimkien mar-raġel tagħha! Aħna kellna ċ-ċans li nitkellmu magħha u staqsejnieha ftit dwar dan il-passatemp li ftit jistennew li għanha!

Kif indunajt bil-gost tiegħek li tirkeb il-muturi?

Ir-raġel minn dejjem kien dilettant tal-muturi però fil-bidu tal-ħajja taż-żwieġ tagħna kien jużah biss biex imur ix-xogħol u forsi xi dawra mal-ħbieb. Meta t-tifla bdiet titfarfar, bdejna noħorġu xi dawra bil-mutur mal-ħbieb, sakemm illum jekk jista’ jkun, immorru fejn immorru, possibilment nużaw il-mutur.

F’Malta jkollna ħafna aċċidenti relatati mal-muturi. Ma tibżax li xi darba jista’ jiġri lilek ukoll?

Sfortunatament nisimgħu b’ħafna inċidenti ta’ persuni li, jew jitilfu ħajjithom jew spiċċaw imweġġa’ gravi. L-agħar u l-aktar li jixxukkjani hu meta ninzertaw inkunu għaddejjin nsuqu u naraw inċident iseħħ quddiem għajnejna.

Hemmhekk iva, taħkimni l-biża’ u tixxokkjani. Però nappella għal sewqan responsabbli, irrispettivament jekk inkunux bil-mutur jew bil-karozza u huwa importanti r-rispett fit-toroq tagħna u waqt is-sewqan għandna ninsew dak kollu li jaljenana.

L-appell li tagħmel Angela hu wieħed mill-qalb u li żgur jolqot lil ħafna nies, mhux dawk biss li jsuqu l-mutur imma wkoll dawk li jsuqu l-karozzi.


Yasmin Camilleri