Ta’ kull sena, ix-xahar ta’ Ottubru jkun kollu kemm hu ddedikat għall-missjoni. Papa Franġisku ddikjara x-xahar ta’ Ottubru ta’ din is-sena biex ikun ix-Xahar Straordinarju tal-Missjoni (EMM2019). Dan għaliex din is-sena taħbat il-100 sena mit-tagħlim ta’ Papa Benedittu XV dwar il-missjoni.

Din is-sena, bil-kampanja ‘Edukazzjoni: Il-Fejqan ta’ Nazzjon’, Missio ser jgħin lit-tfal f’pajjiż fl-Asja – Myanmar (eks-Burma). L-għajnuna ser tkun iffukata fuq l-iskola primarja ta’ San Ġwann fid-djoċesi ta’ Hakha. Din l-iskola tinsab f’wieħed mill-postijiet l-aktar iżolati u remoti fil-pajjiż fejn 26% mill-popolazzjoni qatt ma rċievew edukazzjoni minħabba d-diffikultà biex jintlaħqu.

L-istorja ta' Saung Nadi Khaing hi waħda li tmisslek qalbek! It-tifla simpatika ta’ tliet snin tattendi l-iskola primarja ta’ San Ġwann fid-djoċesi ta’ Hakha f’Myanmar. Ħafna drabi tasal l-iskola biż-żarbun mimli tajn, għaliex sa ma twassalha ommha jkollohom jgħaddu minn toroq mimlijin trab u meta tkun ix-xita t-trab isir tajn.

Iżda Saung Nadi u t-tfal l-oħrajn ma jħabblux rashom u jneħħu ż-żarbun qabel jidħlu fil-klassi li la fiha mwejjed u lanqas siġġijiet! It-tfal, flimkien mal-għalliema tagħhom joqogħdu bilqiegħda fl-art. F’ċerti postijiet is-saqaf iqattar u xi twieqi għandhom il-ħġieġ imkisser. Imma minkejja dan, it-tfal ċkejknin huma ferħanin u entużjasti biex jaraw u jqallbu fil-kotba.

Kważi t-tfal kollha m’għandhomx kotba d-dar, u l-iskola biss huwa l-uniku post fejn jistgħu jaraw u jmissu b’idejhom il-kotba. Saung Nadi hija tifla ffortunata għaliex ommha temmen kemm huwa importanti t-tagħlim u allura tieħu ħsieb twassalha l-iskola kuljum.

Sfortunatament, ħafna ġenituri ma jagħrfux l-importanza tal-edukazzjoni u jippreferu jżommu lit-tfal id-dar biex jgħinuhom fix-xogħol tad-dar jew fl-għelieqi.

Biex issir taf aktar dwar EMM2019 u biex taċċessa r-riżorsi għalik, għall-komunità tiegħek, skejjel u parroċċi żur is-sit https://www.missio.org.mt/emm jew ċempel fuq 2123 6962.


Gwida.mt