High hija l-aktar kanzunetta riċenti li Ira Losco ħarġet dan l-aħħar u li twassal messaġġ pjuttost b’saħħtu. Barra li titkellem fuq din il-kanzunetta, Ira din il-ġimgħa titkellem dwar l-album No Sinner No Saint, il-Eurovision, u l-kompetizzjoni X Factor. Naraw ukoll x’se tgħidilha dwar binha Harry, dwar ommha u anki dwar il-preġudizzji.

Ira, xi tgħidilna dwar is-silta Hey Now. X’tip ta’ rispons kellek, u tqis din il-kanzunetta bħala l-ikbar suċċess li kellek s’issa?

L-iktar ħaġa ironika hi li Hey Now kienet l-aħħar silta li ktibna jien u Howard meta għalaqna l-abum id-doppju tiegħi No Sinner No Saint. Jien kont reżistenti ħafna. Meta mbagħad kienet lesta d-diska, il-vidjo u ħarġet is-single f’Novembru li għadda kont naf li għandna xi ħaġa tajba f’idejna. Meta kelli l-opportunità li nagħżel is-silta għall-finali mal-parteċipant li kont qed inrawwem f’X Factor Malta, Hey Now kienet l-għażla naturali għal ma’ Owen.

Il-finali segwewha ħafna nies u d-diska kienet fuq fomm kulħadd. Il-vidjo tal-prestazzjoni tagħna live daqt tolqot il-miljun view. Kien hemm saħansitra tfal li libsu tiegħi u ta’ Owen għall-karnival, jew f’xi kompetizzjonijiet u kuljum nirċievi l-mentions fuq instagram, nies jisimgħu d-diska, jkantawha u jieħdu gost biha. Naħseb nista’ ngħid li din hija waħda mill-iktar diska mir-ripertorju tiegħi maħbuba min-nies.

No Sinner No Saint kien bla dubju double album li kien magħmul bil-ħsieb speċjalment wara l-ħafna suċċessi li kellek saħansitra fuq il-pjattaforma tal-Youtube. X’tikkumenta dwar ir-rispons li kellek fuq dan l-album?

Għalija l-ikbar suċċess hija l-longevità. Ħassejt li kien ta’ importanza kbira li minbarra li nkun ferħana bl-għażliet fil-karriera tiegħi nkun ukoll innovattiva u kreattiva. It-tim li nagħżel li naħdem miegħu għandu l-istess imħabba għal dan ix-xogħol u jridu l-aqwa riżultati bħali. Il-vidjos li jakkumpanjaw is-singles minn No Sinner No Saint huma ta’ suċċess għax huma magħmulin bi ħsieb u bl-idea li dejjem nagħmlu affarijiet differenti. L-album s’issa kellu suċċess b’seba’ singles fosthom We are the Soldiers, One In A Million, Hey Now, u riċentement High.

L-aktar silta riċenti tiegħek hija High. Tul is-snin ma’ żammejtx lura milli tkun il-vuċi għal dawk li m’għandhomx, jew li titkellem favur l-ugwaljanza jew saħansitra biex in-nies jaċċettaw persuni li jħossuhom esklużi mis-soċjeta. Hemm xi messaġġ partikolari li qed tipprova twassal permezz tas-silta High?

Jien nemmen li kull indivdwu għandu rwol importanti fis-soċjetà. Ħadd m’għandu dritt jiġġudika lil ħaddieħor jew li jattakka lil ħaddieħor fuq bażi ta’ preġudizzju. Żmien id-dlam għadda, id-dinja hija għal kulħadd. Ir-rispett jiġi qabel kollox. In-nies għandhom id-dritt li jgħixu f’soċjetà ta’ ugwaljanza u għandhom jirrispettaw id-differenzi tagħhom ukoll. High titkellem dwar dak il-mument fejn persuna tinduna kemm hi apprezzatha f’ħajjitha u tħossha komda tirrifjuta it-tikketti li jagħtuha nies oħra.

Meta taħdem fuq dawn il-vidjows mużikali, kemm jinvolvi xogħol biex jinħadem u x’inhu l-investiment li tkun qed tfittex minn dawn it-tip ta’ produzzjonijiet?

It-tim estenziv u professjonali għall-aħħar jinvolvi nies bħal Steven Levi Vella li hu d-direttur ta’ dan il-vidjo partikolari. Steve jeċċella fil-kunċett. Jien immur b’idea primarja però Steve imbagħad jeleva l-idea u jagħmilha spettakolari. Diane Nikolic hija l-id il-leminija tiegħi! Mara bravissima u kapaċi toħloq dehriet dejjem differenti. Ilna naħdmu flimkien għoxrin sena. Qatt ma rajt mara taħdem daqsha u d-daħk li nidħku.

Għandna relazzjoni speċjali ħafna! Marielle tieħu ħsieb id-dehra tax-xagħar, idejha huma maġiċi! L-attenzjoni għad-dettall li għandha hija imprezzabbli. Dan l-aħħar in-neputija tagħha Lauran qed tieħu ħsiebi wkoll, id-demm jiġbed għax brava wkoll. Robert huwa l-iżgħar membru u jieħu ħsieb il-ħwejjeġ. L-iktar ħaġa li napprezza minn Robert hi l-imħabba għal xogħlu kif ukoll ir-riżorsi li għandu. L-ideat tiegħu huma kurrenti ħafna! Howard huwa l-manager ta’ dan ix-xogħol kollu u oltre. L-idea għalina hi li nippreżentaw il-mużika b’viżwal li jamplifika l-esperjenza.

Ira, illum il-ġurnata ħafna jqisuk bħala ikona fil-mużika Maltija, kif ukoll ispirazzjoni għal ħafna. Bla dubju ta’ min jammira l-fatt li tul is-snin dejjem żammejt saqajk mal-art u ħafna nnutawh dan il-fatt. Kif jirnexxielek dejjem tibqa’ kalma u sensibbli? Liema huma l-aktar affarijiet li jtaqqlulek moħħok?

L-isbaħ ħaġa fid-dinja hija s-serħan il-moħħ, kif ukoll l-imħabba ta’ familtek. B’dawk l-affarijiet il-ħajja tkun ħafna iktar faċli avolja ġieli jkollok xi kuntlarju, li hi ħaġa normali. Kieku kollox ikun perfett il-ħajja tkun monotona. Is-sigriet huwa kif taffronta d-diffikultajiet. Jien ili ‘l fuq minn sbatax-il sena fix-xena u xorta napprezza r-rispett kbir tan-nies u s-segwaċi tiegħi. Dejjem għidtha u nkompli ngħidha, jien in-nies inħobbhom.

Inħobb niltaqa’ magħhom, inkellimhom, nisma’ dak li għandhom xi jgħidu u fuq kollox narahom tant jieħdu gost il-kunċerti tiegħi. Il-konnessjoni ta’ bejn l-udjenza u l-band hi waħda speċjali ħafna. Mhijiex xi ħaġa li tinxtara, imma tirbaħha bl-esperjenza, snin ta’ xogħol iebes u rispett. L-ewwel kunċert li daqqejt dan is-sajf kien il-Beland. Bdejna ndoqqu fit-taqtir tax-xita. F’kemm ili ngħidlek bdiet nieżla sew. Però bqajna ndoqqu. In-nies ħarġu l-umbrellel imma ħafna saru għasra, aħna wkoll. Imma kuħadd kellu enerġija tant sabiħa. Wara ltqajt man-nies, għamilna siegħa fix-xita u l-bard imma tant ħadna gost u tant apprezzaw li bqajna indoqqu.

Int l-aktar personalità Maltija li kellek faċċati ta’ barra ta’ bosta rivisti. Ma jonqosx il-fatt li dehru għadd kbir ta’ artikli u aħbarijiet fuq siti diġitali. Il-karriera tiegħek bdiet meta l-kelma ‘influencer’ ma kinitx teżisti, l-istess bħal ma kinitx teżisti il-midja soċjali. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dawn l-influencers, u huwa ġust li wieħed jgħid li dawn il-persuni jgħixu f’dinja għalihom li ma tirriflettix dak li hu tassew fix-xena tal-mużika jew tal-moda?

Nemmen li ħafna affarijiet li saru fil-passat li ma laħqux il-furja tal-midja soċjali mhumiex magħrufa ma’ nies li twieldu fil-millenju. Żmien li kien ta’ ħafna importanza għall-mużika Maltija kien 2003 meta kien hawn boom ta’ bands b’materjal oriġinali, stazzjonijiet tar-radju ġodda u moviment ġdid. L-udjenzi kienu jirrispettaw ħafna lill-mużiċisti Maltin, bosta żagħżagħ kellhom il-ħolma li jidħlu fil-mużika. Sfortunatament hemm frazzjoni żgħira ħafna ta’ mużika lokali li qiegħda tingħata prominenza fuq ir-radji tagħna, nemmen li din hija xi ħaġa li tista’ tittranġa u trid tiġi minn fuq.

Id-dinja tal-lum toffri l-fama faċli u instantanja. Kulħadd jista’ jkun famuż mingħajr talent. Kulħadd għandu opinjoni li tista’ tixxandar fuq facebook jew instagram, u kulħadd jista’ jakkwista sponsors żgħar faċilment. L-isem stess INSTAgram jalludi għall-fama instantanja. Però jekk facebook jew instagram jagħlaq għada x’jiġri minnhom dawn in-nies? B’mod pożittiv, dawn in-nies jolqtu frazzjoni differenti ta’ udjenza li tinteressa ruħha fl-affarijiet li jagħmlu, u ftit minnhom verament għandhom storja interessanti u li taf tispira lil ħaddieħor, però xi wħud jagħtu idea mhux reali tal-ħajja u b’hekk nies ta’ età żgħira li għad m’għandhomx biżżejjed esperjenza jifhmu kemm taffetwahom b’mod negattiv din il-ħaġa, jispiċċaw b’aspirazzjonijiet mhux realistiċi.

Għadu kif għadda l-Eurovision, iżda jekk immorru ftit ġimgħat qabel, rajniek ukoll bid-dmugħ f’għajnejk għal Michela. Rajniek ukoll tissielet għat-tim ta’ kantanti maskili fil-grupp tiegħek waqt X Factor, li permezz tiegħu l-pubbliku seta’ jara lat differenti tiegħek. Però x’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar kantanti żgħar li qed jispikkaw minn età bikrija?

It-talent m’għandux età però l-esperjenza tgħallem. Li tkun persuna/artista lesta li tisma’ minn min kien hemm qablek jew li jridlek il-ġid timxi ‘l quddiem. Jien nemmen li nofs ir-raġuni ta’ kull suċċess huwa li tkun imdawra b’nies professjonali u ta’ integrità. Hawn ħafna talent Malta. L-X Factor ta ħafna opportunitajiet lil uċuħ ġodda. Ġieli naqra kummenti tan-nies li jgħajru artisti ikbar jew li ilhom fix-xena. Hawn post għal kulħadd u r-rispett għandu jintwera aktar għal artisti li jkomplu jissieltu għall-mużika u joħorġu materjal ġdid. Ħadd ma jgħajjar avukati li għadhom jipprattikaw il-liġi jew tobba kbar fl-età, għalfejn għandna ngħajru nies li qegħdin jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-mużika?

Tul is-snin ħriġt mijiet ta’ kanzunetti, għadd kbir ta’ albums, DVD, bosta kollaborazzjonijiet, kunċerti, ktieb ta’ 400 paġna, ksirt bosta rekords, u tajt wirjiet f’aktar minn 25 pajjiż. Int ukoll parti mill-aktar programm segwit fl-istorja tat-televiżjoni lokali. Liema tqis li kienet l-ikbar sfida li kellek mill-proġetti kollha li kellek tul dawn is-snin?

Naħseb l-ikbar sfida għalija hija jien stess. Fil-ħajja aħna l-ikbar ostaklu għalina stess. Li temmen fik innifsek hi l-iktar ħaġa importanti fid-dinja. L-iktar ħaġa li kienet tkiddni f’età żgħira kienet is-sagrifiċċji li kelli nagħmel. Tara lil sħabek jiżżewġu, jixtru darhom u jkollhom it-tfal. Però jien kont qed nagħmel affarijiet li lanqas kont noħlomhom. Ftaħt kunċerti għal artisti A list internazzjonali, ikollaborajt sas-sena l-oħra stess ma’ stillel kbar fil-mużika bħal Jason Derulo u l-opportunitajiet qatt ma jonqsu.

L-għidut qatt ma weġġagħni però jġiegħlek tkun aktar protettiva fuq familtek u sħabek u kulħadd huwa tad-demm u l-laħam. Xi minn daqqiet jagħmlu l-ħsara fil-ħajja personali tiegħek, u jekk ma jkollokx rabta b’saħħitha mal-maħbub tiegħek tista’ tispiċċa f’sitwazzjoni kerha. Xogħli nħobb nagħmlu sew u b’professjonalità, naħseb li wara dawn is-snin kollha l-udjenza tiegħi tifhem li sena wara sena ninbidel u nimmatura f’xogħli u b’hekk dejjem isibu x’jiskopru dwari.

Ma nistax ma nsemmix li int ukoll omm ta’ tifel, Harry, li llum għandu tlett snin. Issa li Harry qed jitfarfar ukoll taħseb li tmexxih biex jimxi fuq il-pass tiegħek fil-kant jew f’xi qasam ieħor mix-xena tal-ispettaklu?

Harry għandu leħen intunat u b’saħħtu. Dejjem ikanta u jaf id-diski kollha tiegħi bil-kliem b’kollox. Iħobb ħafna wkoll jilgħab taparsi qed isajjar. Id-demm jiġbed jgħidu. Jien se nagħtih is-sapport tiegħi f’dak kollu li jrid jagħmel. Dak li jagħmlu ferħan jien nappoġġjah fih però m’inhix se noqgħod indefsu. Dik hi ħaġa li l-ġenituri tiegħi qatt ma għamlu u nemmen li kont daqsekk iffisata fil-mużika għax ħadd ma ġegħelni imma għax kienet ħaġa li ħassejt li kienet tiegħi.

Onestament kif jirnexxilek timmaniġġa minkejja li tagħmel il-mira tiegħek tant fil-għoli, toħroġ bi proġetti ġodda u tkun pijuniera f’bosta minnhom? Qiegħda tagħmel dan biex twassal u tipprova messaġġ u tieħu r-raġun?

Għandi ħafna u ħafna għajnuna min-naħa tal-ġenituri tiegħi. Jekk kienu ta’ sapport f’żogħżiti huma ta’ sapport id-doppju issa. Jemmnu ħafna f’dak li nagħmel u ovvjament għandhom imħabba infinita għal Harry. Il-ġenituri ta’ Sean huma wkoll ta’ ħafna sapport. Il-familji tagħna jaqblu ħafna u ma stajtx insib nies iktar qalbhom tajba minnhom. Jien u Sean għandna ħajja impenjattiva ħafna però meta nsibu ċans immorru vaganza mmorru. L-ippjanar huwa essenzjali. Howard huwa l-manager ta’ xogħli u huwa ta’ għajnuna u sapport emozzjonali straordinarju, però jien irrid inkun il-manager ta’ ħajti u li dejjem naħseb bil-quddiem tgħini li nirnexxi aħjar.

Min-naħa tiegħi qed nippova neqred l-idea bażwija li għandhom ċerti nies li meta tkun ommu u/jew tibda tikber fl-età f’din l-industrija għandek taqta’ qalbek, tmur wara l-kwinti jew tintelaq. Ommi ħadmet mal-kumpanija tal-ajru tagħna mill-età ta’ 18-il sena sa 60 sena u baqgħet mara pulita, eleganti u ħabbrieka. Il-mużika u l-kreattività ma għandha l-ebda limiti, lanqas l-età allura għalxiex għandu jimponi dan il-limitu fuq l-indivdwu?

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Rachel Muscat / iralosco / Instagram


Gwida.mt