Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook Diocese of Gozo qasmu mas-segwaċi tagħhom kelmtejn relatati mal-vestizzjoni ta’ grupp abbatini Għawdxin li bħalissa qed jagħtu s-servizz tagħhom fil-Vatikan.
Huma qalu, “Ilbieraħ is-Sibt 10 ta’ Awwissu, Festa ta’ San Lawrenz, fl-10.00am, fil-Cappella del Coro tal-Bażilika ta’ San Pietru, saret il-Vestizzjoni ta’ 12-il abbati Għawdxi li matul dawn il-ġranet qed jagħtu s-servizz tagħhom ta’ abbatini fil-Vatikan.”
Żiedu jgħidu, “Il-Vestizzjoni ġiet immexxija mill-Kardinal Mario Grech fil-preżenza tal-ġenituri u l-familjari ta’ dawn l-istess abbatini u anki tat-tliet saċerdoti li qed jakkumpanjawhom, Dun Krystof Buttigieg, Dun Noel Debono u Dun Michael Curmi, flimkien ma’ Dun Jean-Claude Schembri u Mons. Frans Bonnici li qed jieħdu ħsieb il-gruppi ta’ abbatini Maltin, u Mons. Joseph Zammit. Dritt wara, il-ġenituri kielu flimkien ma’ wliedhom abbatini fis-Seminarju Minuri fejn huma alloġġjati l-istess abbatini Għawdxin. Dalgħodu, wara t-talba tal-Angelus, il-grupp kellu udjenza privata mal-Q.T. il-Papa Franġisku fir-residenza tiegħu ta’ Santa Marta fil-Vatikan.”