Illum, il-kantanta lokali, Phylisienne Brincat tiċċelebra għeluq sninha. Hi trodd ħajr lill-Mulej għal dan kollu u tirrifletti wkoll fuq ħajjitha u l-esperjenzi tagħha tul dawn is-snin. Barra minn hekk, hi taqsam numri ta' ritratti ħelwin tul is-snin, inkluż minn meta kienet tfal.
Hi tgħid, "Grazzi Mulej ta’ ħajti! O Missier Qaddis tas-sema m’għandix kliem biżżejjed biex infaħħrek ta’ dawn il-58 sena li beriktni bihom. Iva kelli tlajja' u nżul sa anke fil-qiegħ nett, imma naf li int dejjem hemm kont miegħi biex meta jien għaddejt minn fejn għaddejt, int komplejt tfittixni għax kont in-nagħġa l-mitlufa, biex iġġibni fi ħdanek."
Phylisienne tkompli tgħid, "Grazzi talli issa jiena salva u tiegħek għal dejjem. Grazzi tan-nies li bgħatli f’ħajti u għadek tibgħatli biex tberikni bihom Mulej. Berikom Mulej. Grazzi talli ippermettejt l-għedewwa f’ħajti għax bis-saħħa tagħhom int għallimtni kif għandi naħfer u kif għandi nħallihom f’idejk. Berikom ukoll Missier. Grazzi tal-kreazzjoni tiegħek biex biha ngawdi l-ħajja. Grazzi ta’ familti kemm dik tal-art u kemm dik tas-sema."
Ir-ringrazzjament tagħha jkompli, "Grazzi tat-talenti speċjali li tajtni. Kompli saħħaħni fihom ħalli bik fija nkompli nkabbarhom fl-istudenti tiegħi li tibgħatli. Imma l-aktar ħaġa li għandi nirringrazzjak hi li jien nista’ nsejjaħħlek Abba Missier f’isem l-Iben waħdieni tiegħek Ġesù li bis-saħħa ta’ demmu nista’ niġi quddiemek u nitolbok maħfra f’ismu. Grazzi ta’ kollox... tal-ferħ u l-paċi tiegħek. Kompli berikni u qaddisni Mulej, f’isem il-kbir ta’ Ġesu’, ammen... HALLELUJAH!"
Aħna f'isem Gwida.mt, nawguraw lil Phylisienne l-isbaħ xewqat f'għeluq sninha u nittamaw li jkollha dak kollu li tixtieq qalbha, illum u tul is-sena li ġejja.