Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħha, Angela Tirchett qasmet mas-segwaċi tagħha kelmtejn ta’ gratitudni lil Mulej.
Bdiet billi qalet, “Grazzi Mulej għall-ħajja li tajtni. Il-familja u l-ġenituri li tant inħobb. Il-ħbieb sa mit-tfulija li baqgħu hemm. Il-ħbieb li ġew mal-mużika. Dawk li naqsam magħhom l-ikbar proġetti, qtugħ ta’ nifs, ġenn u ferħ. Grazzi li tajtni nies li jafdawni fix-xogħol tiegħi. Grazzi Mulej għal dan ir-raġel li b’tant imħabba jdur ma kull bżonn tiegħi. Li jagħmel minn kollox biex jarani kuntenta.”
Żiedet tgħid, “Minix qaddisa imma llum ta’ 44 sena nista naqsam it-talba li biha nipprova nkun l-aħjar verżjoni tiegħi nnifsi.
Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek: Fejn hemm il-mibegħda ħallini nħeġġeġ l-imħabba; Fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra; Fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi; Fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama; Fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl; Fejn hemm in-niket, ħallini nxerred il-ferħ.”
It-talba tkompli, “Mgħallem divin, la tħallix: Li iżjed infittex li nkun imfarraġ, milli nfarraġ jien, li iżjed jifhimni ħaddieħor, milli nifhem lil ħaddieħor jien, li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien. Għaliex meta nagħtu, aħna naqilgħu, meta naħfru, aħna niġu maħfura; meta mmutu, nerġgħu nitwieldu għall-ħajja ta’ dejjem.”