Grace Borg kienet l-ewwel mistiedna tal-programm X'Sar Minnhom? li qed jittella' fuq TVM. F'din l-intervista, il-karattru uniku ta' Grace Borg għal darb'oħra spikka. Tul il-programm tkellmet dwar diversi affarijiet... inkluż kif spiċċat ic-chairperson tal-Malta Song Board, dwar il-mina t'Għawdex, dwar il-problemi ta' saħħa li kellha u wkoll dwar il-politika!

Xi ħaġa li forsi ftit jafu hi waqt li Grace Borg kienet chairperson tal-board ta' Malta Song, kienet qed tiġġieled għat-tieni darba l-marda tal-cancer, Grace tgħid li  meta siefret ma’ Chiara kienet għadha kif tagħmel l-aħħar sezzjoni tal-kimoterapija. Hi tgħid li dak iż-żmien kienet qalet lit-tim li kellha, li jekk jgħinuha hi ħa tkompli bil-ħidma tagħha u hekk ġara.

'Ir-riżultat tiksbu ma toqgħodx bilqiegħda u jiġi waħdu" tgħid Grace li waslet fil-finali tal-Eurovision Song Contest fl-2004 permezz ta' On Again... Off Again... ta' Julie u Ludwig u fit-tieni post is-sena ta' wara bil-kanzunetta Angel ta' Chiara. "Iġġilidt. Wara li ġejna t-tieni iġġilidt għax emmint sinċerament li aħna kellna nirbħuha" tistqarr Grace. . 

Meta mistoqsija kif spiċċat f'din il-kariga, Grace wieġbet li kienet marret fuq il-Ministru ta' dak iż-żmien u offriet is-servizzi tagħha, fi kliemha stess, "dak iż-żmien ma kienx hawn aħjar minni fil-mużika" u mhux talli l-Ministru kien daħħalha fil-board, talli kien poġġieha chairperson u minn hekk issoktat il-ħidma tagħha. 

Kien hemm żmien meta Grace Borg kienet uriet ix-xewqa tagħha li tidħol fix-xena tal-politika f'pajjiżna. Għadha hemm din ix-xewqa. Fuq il-programm Grace tistqarr: "Kont sinċerament naħseb li noħroġ għall-politika... biss tirrealizza li jekk inti ħa toħroġ ħa tagħmel għedewwa. L-għedewwa mhux ħa jkunu mill-partit oppost imma għal partit li toħroġ miegħu."

Bħalissa Grace tinsab taħdem fuq proġett ma' xi investituri fi Sqallija, proġett li jinvolvi djar antiki, uħud minnhom għandhom madwar 400 sena. Aħna f'isem Gwida.mt nawguraw lil Grace tkompli dejjem taħdem u tisħaq dak li temmen fih, mhux għax għandna xi dubju. Meta mistoqsija liema kanzunetta tiddeskrivi ħajjietha, Grace wieġbet bla tlaqliq My Way. Aħna ċertament li naqblu!  


Emil Calleja Bayliss