Wara li fl-2022, GO ħabbret investiment ta’ €2.4 miljun fi produzzjonijiet Maltin għall-istazzjon televiżiv tagħha TOKIS, GO issa kkonfermat li se tkun qed iżżid l-investiment tagħha fil-kumpaniji ta’ produzzjoni Maltin għal €5 miljuni fis-snin li ġejjin. Dan tħabbar waqt l-ewwel premjijiet TOKIS li saru l-ġimgħa li għaddiet.

Dan l-investiment għandu l-għan li jkompli jappoġġja l-produzzjoni ta’ kontenut oriġinali tat-TV kif ukoll ix-xandir ta’ kontenut eżistenti li għandu jixxandar minn GO, esklussivament għall-klijenti tagħha permezz tal-pjattaforma tagħha GO TOKIS.

“Sentejn ilu kellna ħolma li nwasslu l-istejjer tagħna, il-kultura tagħna u l-imħabba tagħna għad-drama Maltija. Minn dik il-ħolma twieled TOKIS u dan kien vjaġġ inkredibbli, mhux għalina biss imma għall-eluf ta’ klijenti li jħobbu l-kontenut Malti,” qal Nikhil Patil, Kap Eżekuttiv ta’ GO plc.

“Illum TOKIS huwa wieħed mill-aktar kanali segwiti f'Malta b'aktar minn 5 miljun view kull xahar. Dan kiber b’mod konsiderevoli u issa se jkun jista’ jkun segwit minn eluf ta’ nies madwar 3 kontinenti hekk kif l-app GO TV se ssir disponibbli għall-espatrijati Maltin madwar id-dinja,” kompla s-sur Patil.

TOKIS mill-ewwel beda jikseb ħafna suċċessi għaliex l-udjenzi lokali komplew juru affinità kbira għal kontenut maħdum f’Malta u apprezzament dejjem ikbar lejn it-talent lokali u l-ilsien Malti. Minn produzzjonijiet drammatiċi, TOKIS evolva biex issa qed jinkludi wkoll programmi ta’ diskussjoni u issa qed iwiegħed firxa usa’ ta’ kontenut għas-snin li ġejjin.

“Qed inkomplu naraw kif se ntejjbu l-esperjenza tal-klijenti tagħna. Il-klijenti tagħna jħobbuh il-kontenut Malti, u issa qed nagħtuhom aktar xi jgawdu. Aħna rrikonoxxejna wkoll ir-restrizzjonijiet finanzjarji u n-nuqqas ta’ riżorsi oħra li l-industrija qed tiffaċċja li minħabba fihom, inħoloq limitu ta’ kemm drammi setgħu jiġu prodotti kull sena.  Għandna t-teknoloġija, ir-riżorsi, u d-domanda, u għalhekk konna nafu li l-kontenut kellu jkun il-pass li jmiss fl-esperjenza tal-klijent tagħna,” żied Nikhil Patil.

“Ninsabu ħerqana għal dak kollu li għad irid jiġi,” temm jgħid is-sur Patil. It-TOKIS Awards se jixxandru illejla, it-Tlieta 24 ta’ Settembru fit-20.40 fuq TOKIS, Channel 100.


Gwida.mt