Tliet artisti Maltin li ħadu sehem fil-Eurovision, Amber, Thea Garrett u Glen Vella, iffirmaw ittra miftuħa li titlob lill-European Broadcasting Union (EBU) biex teskludi lill-Iżrael, mill-Eurovision Song Contest.
L-ittra, iffirmata minn aktar minn 70 eks-parteċipant tal-Eurovision Song Contest, tikkundanna l-parteċipazzjoni tal-Iżrael fil-konkors tal-2024, li kienet meqjusa bħala l-aktar edizzjoni politika u kaotika fl-istorja tal-kompetizzjoni. Diversi nies qed jargumentaw li l-EBU qed tintuża biex tnaddaf l-immaġni tal-Iżrael, minkejja l-akkużi ta’ ġenoċidju f’Gaża u l-okkupazzjoni militari tal-Palestina.
Fost dawk li ffirmaw hemm Salvador Sobral - ir-rebbieħ għall-Portugall fl-2017, Hadise li ħadet sehem f'isem it-Turkija fl-2009, Daði Freyr tal-Iżlanda, u La Zarra li marret għal Franza fl-2023. L-ittra tgħid, “Aħna nemmnu fil-qawwa unifikanti tal-mużika, u għalhekk ma nistgħux inħallu l-mużika tintuża biex tgħatti delitti kontra l-umanità.”
L-artisti jsemmu wkoll kif fl-2022, l-EBU keċċiet lir-Russja mill-kompetizzjoni wara l-invażjoni tal-Ukrajna, u jikkritikaw l-istandard doppju li qed japplika l-EBU billi jippermetti lil Iżrael jipparteċipa minkejja l-akkużi serji kontrih.
Din l-inizjattiva tirrifletti sentimenti dejjem jikbru fost artisti u attivisti madwar l-Ewropa, inkluż f’Malta, li qed jitolbu lill-EBU biex tieħu pożizzjoni aktar soda kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.