Għalkemm għadu żgħir fl-età, isem Gianluca Cilia huwa sinonimu mal-lingwa tagħna, il-lingwa Maltija kif ukoll it-talent tal-kant u l-kariżma. Ftit xhur ilu rebaħ il-5 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ, Gianluca jitkellem dwar il-motivazzjoni li kellu sabiex jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni, wara li rrapreżenta ‘l Malta fil-Junior Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Dawra Tond li klassifikat mal-ewwel għaxar kanzunetti.
Ftit tal-jiem ilu, inti rbaħt il-5 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bil-kanzunetta Ħaġar Qim. X’ħassejt meta għajtulek bħala r-rebbieħ assolut?
Onestament, ma kontx qed nistennieha u għadni s’issa ma nistax nemmen, tant kemm kien hemm kanzunetti sbieħ. Kulħadd ħadem u stinka biex joħroġ l-aħjar li jista’ joħroġ u nemmen li kienet finali tal-ġenn fejn kollha flimkien iċċelebrajna l-kanzunetta Maltija. Li kont fil-finali kienet diġà qisha rebħa u nistqarr ta’ sodisfazzjon kbir għalija li kelli ċ-ċans inkun fuq dak il-palk mal-Malta Concert Orchestra.
Kif ħassejtek bħala l-iżgħar finalist fost is-16 il-parteċipant fil-5 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ u liema kanzunetta fost dawk parteċipanti kienet l-aktar waħda li kont tkanta magħha?
Mhux l-ewwel darba li kont l-iżgħar parteċipant f’xi konkors tal-kant u nħoss li ma taffetwanix daqshekk. Kulħadd irrid jibda minn x’imkien u l-età ma tagħmilx daqshekk bija, kien hemm parteċipanti ftit xhur ikbar minni. L-aktar kanzunetta li daħlet ġo moħħi u nkanta magħha l-ħin kollu hi ‘Taparsi’ ta’ Nathaniel Attard, għenet li oħti l-kbira kienet parti mill-kor tal-kanzunetta ukoll, imma vera hi kanzunetta li nimmaġinani nkanta.
F’temp ta’ sentejn, inti nedejt tliet kanzunetti: Dawra Tond , Wham Bam! u Ħaġar Qim. Kieku kellek tagħżel l-aktar waħda għal qalbek, liem tkun u għala?
It-tlieta li huma iħalluli memorji sbieħ; Dawra Tond minħabba l-fatt li biha rrapreżentajt lill-Malta fil-Junior Eurovision Song Contest u kienet esperjenza tal-ġenn; Wham Bam! għaliex kont kantajtha l-ewwel darba bħala mistieden fil-Malta Eurovision Song Contest u għalija kien avveniment li dejjem segwejt, allura li kont fih bħala mistieden kienet ħolma tiegħi li saret realtà, u Ħaġar Qim għax kont parti mill-ħsieb fit-tema tal-kanzunetta, hija l-ewwel kanzunetta tiegħi kollha bil-Malti u biha rbaħt l-akbar festival bil-Malti fuq skala nazzjonali.
Kieku jkollok tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fil-Junior Eurovision Song Contest 2017 fi ftit kliem, xi tgħidilna?
Esperjenza li żgur ma jien ħa ninsiha qatt. Iltqajt ma’ ħafna nies ġodda, għamilt ħafna ħbieb u kienet esperjenza li għallmitni ħafna! Inħossni li fhimt aktar is-sagrifiċċju li wieħed irrid jagħmel biex ikun artist, kif ukoll l-impenn u x-xogħol kollu li jinvolvi. Dan kollu għamel l-esperjenza kollha tal-ġenn, kultant nixtieq li għandi buttuna ħalli mmur lura.
Wara li ġejt lura minn Tbilisi, fil-Ġorġja għall-Junior Eurovision Song Contest, inti kont mistieden fil-Malta Eurovision Song Contest u hemmhekk nedejt il-kanzunetta Wham Bam! bi prestazzjoni mimlija enerġija. X’messaġġ xtaqt tgħaddi biha din il-kanzunetta u x’fisser għalik li tagħti prestazzjoni fuq dak il-palk?
Wham Bam! hija kanzunetta illi fiha Emil jiddeskrivi il-karattru tiegħi – mimli energija, inħobb nidħak u nieħu gost, u nħobb illi kull min ikun madwari jesperjenza dan kollu miegħi. M’hawn xejn isbaħ milli tkun ferħan u kuntent b’dak li tkun qed tagħmel.
F’waħda mill-intervisti li inti tajt wara r-rebħ tal-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ inti għidt li l-lingwa li biha tippreferi tkanta hija dik materna, il-Malti. Dan huwa ppruvat permezz tal-użu tal-Malti fil-kanzunetti li inti rrilaxxajt. X’inhi dik il-ħaġa li tiġbdek lejn il-lingwa Maltija?
Inħoss illi l-lingwa Maltija għandha tkun apprezzata aktar. Toġgħobni l-artikolazzjoni u l-ħoss ta’ ċertu kanzunetti kantati bil-Malti. Nieħu ħafna gost meta jiġi xi ħadd u jikkumplimentani fuq l-użu tal-Malti u l-mod kif inkun interpretajtha. Dan kollu jiġbidni aktar qrib il-lingwa materna.
Jingħad li hemm moħħ wara kull proġett. Min ħareġ bl-idea li tissotometti għall-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ u għaliex għażilt Ħaġar Qim bħala s-suġġett tal-kanzunetta?
Is-sena l-oħra segwejt l-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ, u malli kelli l-età kont ħerqan li nista’ nipparteċipa. Meta l-awtur, Emil Calleja Bayliss, staqsieni jekk għandix xi tema f’moħħi kif urejt interess, mill-ewwel għidtlu dwar Ħaġar Qim, għax kont għadni kemm żort dan il-post storiku, flimkien mal-iskola tiegħi u minn hemm bilmod il-mod inbniet Ħaġar Qim.
Issa li pparteċipajt f’żewġ kompetizzjonijiet ewlenin f’pajjiżna u rbaħthom, x’hemm pjanat fil-ġejjieni għal Gianluca Cilia, forsi xi materjal ieħor ġdid?
Ix-xewqa tiegħi hi li naħdem fuq il-vidjow mużikali għal Ħaġar Qim u żgur illi fil-ġejjieni qarib tisimgħu xi materjal ġdid tiegħi, forsi bi stil ftit differenti. Kif forsi indunajtu nħobb nesperimenta għax b’hekk nemmen li nikber u nitgħallem.
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.
Instagram / @gianlucaciliaofficial