Gwida.mt tkellmet ma’ Cristina Bellizzi, li fis-16 ta’ Novembru tagħlaq għaxar snin mit-tranżizzjoni tal-ġeneru tagħha. 

Għaxar snin ilu Cristina kienet l-ewwel Maltija li għamlet l-operazzjoni tal-bdil tal-ġeneru tagħha ġewwa t-Tajlandja. Naturalment din ma kienet xi ħaġa faċli xejn, kemm għaliha kif ukoll għall-familjari tagħha.

Cristina qaltilna li għażlet li tagħmel l-operazzjoni fit-Tajlandja minħabba li rriċerkat ħafna fuq dan il-pajjiż u rriżulta “li  kien hemm ċentri speċjalizzati f’dan il-qasam b’esperjenza twila u b’riżultati pożittivi ħafna.” Madankollu tistqarr li t-Tajlandja ma kinetx l-aqwa deċiżjoni li setgħet tagħmel, meta tikkunsidra n-nuqqas ta’ għarfien li ngħatat dwar riskji li kien hemm involuti.

Kienet damet ħamest ijiem sħaħ f’koma! Apparti hekk, qaltilna li “r-riżultat finali ma kienx daqstant sodisfaċenti u kelli ngħaddi minn operazzjonijiet ulterjuri biex nasal għar-riżultat mixtieq.” Cristina tgħidilna li din l-operazzjoni kienet ta’ nkwiet kbir speċjalment għall-familjari tagħha, “li kienu rassenjati li jarawni nieżla lura lejn Malta mejta.”

Cristina kompliet tgħidilna li dan il-pass kien wieħed naturali għaliha “sabiex id-dehra esterna tiegħi tkun taqbel ma’ dak li dejjem ħassejt internament. Fil-fatt ta’ erba’ snin kont diġà ndunajt li kont inħossni tifla maqbuda f’ġisem ta’ tifel. Kont ngħid lill-ommi li hemm xi ħaġa fija illi ridt inbiddel.”

Ta’ seba’ snin kompliet tikkonferma dan meta fil-praċett ma kinetx libset libsa bħalma xtaqet hi u bħalma kienu libsu ż-żewġ ħutha l-bniet. B’hekk irrealizzat li “kont tifla li qed tiġi trattata ta’ tifel.” Qaltilna li l-għan ewlieni ta’ ħajjitha dejjem kien li tasal sal-mument li ssir mara kompluta, kif inhi llum il-ġurnata.

Fis-16 ta’ Novembru tagħlaq għaxar snin mit-twelid il-ġdid tagħha. Illum Cristina tħossha “bħala l-aktar persuna ffurtunata fid-dinja għax il-Mulej tani ħafna affarijiet sbieħ u kien dejjem miegħi.” Tħossha xxurtjata li sabet mezzi finanzjarji biex tagħmel diversi operazzjonijiet u li kisbet ukoll riżultati estetiċi li llum bihom tħossha kunfidenti mmens.

Cristina qaltilna li minn dejjem sabet sapport kbir mill-familjari u l-ħbieb tagħha. Qaltilna, “nemmen li jekk ikollok approċċ pożittiv lejn il-ħajja u timxi sew man-nies, in-nies timxi sew miegħek lil hinn mill-ġeneru tiegħek.” Cristina tappella lil min iħossu maqbud f’ġeneru ieħor sabiex jagħmel kuraġġ u jagħraf ir-realtà li qed jgħix fiha.

It-tim ta’ Gwida.mt jixtieq jawgura lil Cristina għal dan l-anniversarju hekk speċjali għaliha. Nammiraw il-kuraġġ u l-pożittività tagħha!


Yasmin Camilleri