Wara r-rebħa tagħha f'Settembru tas-sena l-oħra waqt KKI, il-kantanta lokali Cherylis hi waħda mill-parteċipanti tal-festival Mużika Mużika. F'intervista li kellna magħha nikkonfermaw magħha dwar l-imħabba li għandha għal-lingwa Maltija, speċjalment fil-kant, kif ukoll dwar kif inhu sejjer il-vjaġġ tagħha ta' Mużika Mużika sa issa.

Il-kantanta kellmitna dwar il-fatt li l-lingwa Maltija tfisser tant għaliha, u meta tkanta bil-Malti tħossha ħafna aħjar. Kif tafu, Cherylis titrasmetti ħafna emozzjoni meta tkanta, u l-messaġġ jasal minnufih. Tgħidilna li kull prestazzjoni li jkollha taħdem u tistinka immens għaliha. "Min ikun qiegħed isegwini ħaqqu l-isbaħ esperjenza possibbli."

Ma' Cherylis tkellimna wkoll dwar fost l-isbaħ kumplimenti li rċeviet tul il-karriera tagħha, u li jikkonfermaw kemm il-messaġġ tal-kanzunetti tagħha jasal. "L-isbaħ kumpliment naħseb ikun, meta ltqajt man-nies fit-triq wara xi prestazzjoni ġo xi festival u jgħiduli prosit, u taqtax qalbek!"

X'ingħidu dwar il-patrijottiżmu li jinħass f'din l-artista? "Jiena persuna patrijotta ħafna, u l-ilsien Malti nħobbu wisq. Narah poetiku, rikk u jqabbadni emozzjoni liema bħalha. Għandna nkunu kburin bl-ilsien tagħna, ngħożżuha u nipproteġuha, għaliex hija unika f’kull sens tal-kelma."

Cherylis tisħaq li matul il-karriera tagħha iltaqgħet ma' bosta persuni li ispirawha u appoġġjawha, u diffiċli ssemmi persuna waħda biss. "Minn kull persuna tgħallimt xi ħaġa u għinuni biex insir il-persuna li jiena llum."

hj

F'dan il-festival Cherylis ħa tkun solista, għalkemm kemm-il darba rajnieha f'Dwett ma' Mikhail Attard. Xi tħoss dwar dan? "Ma nistax nagħżel bejn li nkun solista jew parti mid-dwett għaliex it-tnejn li huma kompletament differenti minn xulxin, għalkemm it-tnejn joffru diversi esperjenzi sbieħ."

Il-kantanta tkompli tgħidilna, "Sabiħ iċ-ċans li tesperjenza l-palk flimkien ma’ ħaddieħor, iżda hemm risponsabbilitàakbar għaliex hemm min qiegħed jiddependi mill-abbiltajiet tiegħek." Finalment skoprejna aktar dwar il-kanzunetta li qed tikkompeti biha f'din l-edizzjoni, Jien L-Artist.

gh

"Jien l-Artist, fuq kliem u mużika ta’ Pamela Bezzina hija kanzunetta personali ħafna u li tolqot l-artisti fil-laħam il-ħaj. Il-lirika tiddeskrivi dak kollu li jgħaddu minnu l-artist, il-ħafna sagrifiċċji li huwa jagħmel, u li rari jiġu apprezzati."

Il-vjaġġ tal-artisti mhu faċli xejn, u proprju din il-kanzunetta titkellem dwar id-diffikultajiet li jaffaċċja sakemm jasal fejn jixtieq. "Madanakollu, l-artist jibqa’ ċert u sikur f’dak li jixtieq jagħmel u għalhekk jibqa’ jiġġieled sakemm in-nies jagħrfu t-talent vera."

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Kyle Zarb