Ix-xandar u preżentatur ta' ONE Radio, Ramon Mangion ħalla messaġġ li jixħet dawl fuq kemm hawn nies li d-dinja tagħhom hi r-radju. Hu kiteb, "Kemm ħadt gost illum wara li rċivejt messaġġ mingħand persuna li qaltli kemm il-programm tiegħi kien ta' wens għall-ġenitur li jgħix waħdu. Dawn huma messaġġi u telefonati regolari tul l-20 sena li ilni nippreżenta fuq ir-radju."

Ramon ikompli jistqarr, "Għandna nirikonoxxu l-fatt li hawn ħafna, partikolarment anzjani li l-uniku kumpanija għalihom hija r-radju. Ir-radju huwa mezz personali ħafna, u dan jidher ċar minn kemm iċempluli nies u jkellmuni qisni membru tal-familja jew inkella xi ħabib kbir tagħhom, għalkem filfatt qatt ma nkunu ltqajna."

Fl-aħħar hu jagħlaq billi jgħid, "Dan huwa s-sodisfazzjon tiegħi bħala xandar, li permezz tal-mużika u l-kliem tiegħi nferraħ, inkun ta' wens u ngħin lil dak li jkun." Ir-radju huwa mezz li lil ħafna minna jżommilna kumpanija waqt li nkunu fil-karozza, jew f'xi uffiċċju jew inkella nisimgħuh f'xi ħanut iżda lill-anzjani tagħna jżommilhom kumpanija f'kull ħin.

Facebook / Ramon Mangion


Emil Calleja Bayliss