Aspett interessanti dwar il-Malta Pride, li aħna lkoll diġà familjari miegħu, huwa kif il-parata nnifisha ħadet id-drawwa li ssir fiż-żmien ta’ Settembru, għall-kuntrarju ta’ dawk lil hinn minn xtutna li s-soltu jseħħu f’Ġunju. Għaldaqstant, il-parata ta’ din is-sena se tinvolvi karatteristika ġdida oħra, waħda li żżejjen l-avveniment b’sentimentalità mill-aqwa: it-tgħanniq b’xejn.

Hugs

Instagram / @jenhatmaker

Sewwa qrajtu: din is-sena, il-grupp MUM/DAD HUGS se jkun qed jattendi Pride bil-ħsieb li sempliċiment joffri t-tgħanniqiet, kollox mingħajr ħlas u għal kull min jixtieq waħda. L-iskop ewlieni ta’ dan l-att huwa li joffri sens ta’ appartenenza kif ukoll imħabba inkondizzjonata, lil dawk kollha li għal raġuni jew oħra jħossuhom neqsin mill-aċċettament fi ħdan il-familja jew is-soċjetà.

Lynn McCormick hija l-moħħ wara dan il-grupp – u saħansitra hi stess tammetti li ‘qas hi xi waħda ffissata bit-tgħanniq! Tisħaq madankollu, f’intervista ma’ ARC Malta, kif l-għan tagħha huwa li xxerred l-imħabba, filwaqt li tagħmel ħilitha sabiex tippromwovi t-twemmin essenzjali tagħha – ħadd m’għandu jaffaċċa l-intolleranza minħabba xi ħaġa bħall-orjentazzjoni sesswali.

Hugs

Sara Cunningham / Free Mom Hugs

“L-imħabba hija l-bażi ta’ kull bniedem u l-imħabba li jista’ jagħti ġenitur hija pura u inkondizzjonata. Sfortunatament, ċerti ċirkostanzi inessuna mill-parti inkondizzjonata.” – Lynn, ma’ ARC Malta.

Lynn spirat ruħha mill-atti ta’ Scott Dittman u l-grupp Free Mom Hugs fil-parata ta’ Pride ġewwa Pittsburgh, l-Istati Uniti, ix-xahar li għadda. U issa, permezz ta’ dan il-grupp lokali, dan is-servizz se jsir disponibbli wkoll lil dawk jattendu l-parata Maltija.

Nawgurawlkom bil-kbir!

Pamela Luu


Kurt Gabriel Meli