Ftit tal-ġimgħat ilu Festivals Malta ħabbar li l-festival folkloristiku Għanafest ser jirritorna f’Ġunju li ġej b’isem u dehra ġdida – Ritmu.
Artiġjanat Malti minn Alka Ceramics
Ritmu jiftaħ il-kalendarju kulturali sajfi ta’ Festivals Malta fl-10 u l-11 ta’ Ġunju u ser joffri esperjenza mżewqa bl-elementi kollha li jagħmluna Maltin. Il-mużika tisboq f’dak li hemm preparat għal dan il-festival. Il-programm jinkludi wkoll l-artiġjanat, l-ikel Malti u attivitajiet marbuta mal-letteratura Maltija.
Kantera fir-ritratt
L-isem u d-dehra mhumiex l-unika tibdiliet li saru f’dan il-festival tant mistenni. F’Ritmu din is-sena ser naraw perspettiva ġdida tal-patrimonju kulturali Malti. Wara s-suċċess li kisbu f’Mużika Mużika, Ritmu ser jilqa’ fuq il-palk tiegħu lil Kantera, lil Bernie & Pod u ser jilqa’ wkoll lil grupp Malti Sterjotipi. Ser ikun hemm ukoll artisti tal-ġeneru folk mill-Italja u mill-Portugall.
Bernie & Pod fir-ritratt
Fost l-artiġjana ser ikun hemm l-artista Stephanie Borġ, li għadha kemm ġiet nominata għall-Premju għall-Arti ta’ din is-sena, Francesco Sultana li jagħmel strumenti tipiċi Maltin bl-idejn, u ħafna iktar! Dawn l-artiġjana ser ikunu qed juru lill-pubbliku kif jaħdmu x-xogħol tagħhom.
Stephanie Borg fir-ritratt
Ser naraw wkoll esperjenza teatrali mill-pinna ta’ Trevor Zahra b'direzzjoni ta’ Joseph Galea li tesplora l-aspett storiku fl-istorja tax-xandir ta’ drammi imxanndra fuq ir-radju, bl-isem ta’ Rediffusion Jippreżenta... B’karattri interpretati minn kast bravissimu, din l-istorja qsajra ta’ nofs siegħa taqtalna l-kurżità fuq kif kienu jsiru dawn id-drammi – id-direttur imexxi l-kast tal-atturi li bejniethom jinterpretaw il-karattri mogħtija lilhom, b’persuna magħhom jagħmel il-ħsejjes dak il-ħin.
Francesco Sultana fir-ritratt
Titilfux dan il-festival għall-familja kollha bejn l-10 u l-11 ta’ Ġunju. Ta’ min jgħid ukoll li d-dħul għal dan il-festival huwa b’xejn! Għall-programm żur www.festivals.mt/ritmu
Sebio Aquilina