Waħda mill-problemi li kulma jmur qed tikber hija dik tal-piż eċċessiv tal-basktijiet tal-iskola.

Skont il-linji-gwida mogħtija mis-sit tal-edukazzjoni, huwa rrakkomandat li l-piż tal-basket tal-iskola ikun biss 10% tal-piż totali tal-istudent.  Madanakollu, fl-istudji li saru fis-sena skolastika 2015/16 instab li madwar 70 fil-mija tal-istudenti kellhom basket b’iktar piż milli rrakkomandat.  Sfortunatament, minn dak li naraw illum-il ġurnata, dan ir-riżultat ma nbidilx, anzi x’aktarx li n-numri kibru!

Jidher li din il-biċċa tax-xogħol qiegħda tħasseb lil Justin Schembri, membru fil-kunsill lokali ta’ Birkirkara.  Permezz ta’ post fuq Facebook hu jistaqsi x’inhi r-raġuni wara dan kollu, u il-għalfejn l-użu tat-tablets fl-iskejjel mhuwiex ikun effettiv.  Dan għaliex kieku jintużaw it-tablets żgur li se jitnaqqas il-piż tal-kotba li jġorru magħhom l-istudenti ta’ kuljum. 

Hemm bżonn ta’ iktar attenzjoni f’dan il-qasam għax din il-problema se tħalli impatt negattiv fuq is-saħħa tal-ġenerazzjoni żagħżugħa!

 

 

 


Marija Bellia