Il-Festival Kanzunetta Maltija beda fl-1981 u fost wieħed mill-ewwel rebbieħa kien il-Bayzo bil-kanzunetta, Mużika Mużika li kienet inkitbet minn Alfred C. Sant u mużika ta’ Paul Abela. L-aħħar darba li sar kien fl-2013 fejn kienet rebħet Olivia Lewis bil-kanzunetta, Hawn mill-Ġdid, mużika ta’ Paul Abela u kitba ta’ Joe Julian Farrugia. Fl-aħħar il-konkors ser jirritorna b’mod grandjuż!
Minħabba s-sitwazzjoni preżenti, Festivals Malta saħaq li din is-sena l-konkors ikun produzzjoni televiżiva mingħajr udjenza. Rigward il-vot, dan ser ikun kemm f’idejn ġurija professjonali b’membri stabbiliti fil-qasam mużikali u kif ukoll f’idejn il-pubbliku. Dan il-festival ser jixxandar fuq TVM fi 18,19,20 ta’ Marzu 2021. Fir-rivista GWIDA li ħarġet il-Ħadd, 7 ta’ Marzu, hemm intervista sħiħa m’Annabelle Stivala, id-direttriċi ta’ Festivals Malta biex niskopru aktar fuq dan il-festival.
“Il-preparamenti ilhom għaddejjin. Tista’ tgħid ilna li bdejna nippreparaw għal dan il-konkors minn Awwissu tas-sena li għaddiet. Flimkien mal-bord organizzattiv, Festivals Malta ħadem biex joħloq kampanja b’saħħitha biex il-fatt li dan il-konkors ser jirritorna bil-kbir jiġi kkomunikat bl-akbar reqqa,” tgħidilna Annabelle.
Mużika Mużika ser jieħu żvolta moderna. Mhux biss ser ikollu spettaklu b’ġeneri differenti ta’ mużika Maltija, iżda wkoll ser jintuża l-aħħar teknoloġija biex jinħoloq spettaklu mill-aqwa bi standard għoli. Annabelle tisħaq li... “Ħsibna wkoll biex infakkru lill-veterani tal-kanzunetta Maltija fejn dawn ser ikunu qed jagħtu rendizzjoni ta’ kanzunetti passati popolari tagħhom. Dan għamilnieh biex mhux biss niċċelebraw lil dawn l-artisti, iżda wkoll inġibu sens ta’ nostalġija lill-ispettaturi u s-segwaċi tal-Festival Kanzunetta Maltija”.
Skont id-direttriċi, il-kanzunetti kollha huma ta’ livell għoli ħafna, “Għandna mużika Maltija ta’ ġeneri differenti u mużiċisti ta’ talent kbir, b’parteċipanti kemm stabbiliti kif ukoll dawk li għadhom pjuttost ġodda fix-xena tal-mużika”. Il-kanzunetti li ser jinstemgħu l-ewwel darba waqt Mużika Mużika.
Ir-rebbieħ ser jirbaħ is-somma ta’ €10,000, somma li se tgħin lill-artist/i rebbieħ/a biex jikbru fil-karriera mużikali tagħhom. Hemm premju ta’ €5,000 għat-tieni post, €3,000 għat-tielet post, u sussidju ta’ €500 għal kull kanzunetta li jirnexxielha tasal għall-finali bil-għan li jintaffu ftit mill-ispejjeż li jinħolqu b’parteċipazzjoni f’konkors ta’ dan il-kalibru.
Apparti l-premji monetari, ser jingħata wkoll trofew speċjali lill-ewwel, it-tieni u t-tielet post, u ser jingħata premju lill-kanzunetta bl-aħjar interpretazzjoni u b’dik tal-aħjar arranġament. GWIDA jawgura lill-parteċipanti kollha ta’ din l-edizzjoni!
Għal aktar informazzjoni dwar Mużika Mużika żur is-sit tagħhom billi tidħol HAWN.
Sebio Aquilina