Harrison Ford, wieħed mill-atturi ċelebri taċ-ċinema ta' Hollywood ewlenin, magħruf sew għall-parti ewlenija fil-films ta' Indiana Jones għadu jinsab rikoverat. Minkejja dan it-tim tal-produzzjoni tal-ħames u l-aħħar film mis-sensiela popolari ta' Indiana Jones, ħass li għandu jibqa' għaddej bl-iffilmjar. Minflok Ford, id-direzzjoni qed tagħmel użu minn attur ieħor li jixbhu ferm.

L-attur, li qed jiġbed ix-xeni tal-film minflok Harrison Ford, qed jiġbed ix-xeni b'marki suwed fuq wiċċu. Kollox jindika li l-produzzjoni se tkun qed tagħmel użu mit-teknoloġija tas-CGI, li tbiddel id-dehra u l-fattizzi tal-wiċċ permezz tal-grafika.

L-iffilmjar bħalissa għaddej fi Glasgow fl-iSkozja li nbidlet f'Manhattan tas-snin 60. Il-ħames film mis-serje ta' Indiana Jones, bid-direzzjoni ta' James Mangold, se jkun ambjentat fis-snin 60, b'mod partikolari waqt it-tellieqa qalila bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika għal min se jirnexxielu jtella' b'suċċess l-aqwa vettura spazjali u eventwalment is-suċċess miksub mill-Amerikani bl-Apollo 11.

Ford, li għandu 79 sena, stqarr li ma kienx lest jidħol għall-ħames film ta' Indiana Jones li kieku ma kienx konvint mill-iskript. Jidher li l-aspettattivi ta' Ford intlaħqu iżda sfortunatament l-attur weġġa' ftit wara u spiċċa rikoverat għal tliet xhur sħaħ. L-attur ta' Hollywood weġġa' spalltu fuq is-sett waqt provi għall-ġbid ta' xena li kienet tinvolvi ġlieda. Hemm saħansitra l-possibilta' li Ford ikollu jqatta' xi żmien l-isptar sabiex isirlu intervent kirurġiku fuq spalltu.

Id-direttur ċinematografiku prolifiku Steven Spielberg, li dderieġa lil Harrison Ford fl-ewwel films ta' Indiana Jones, qal kif l-attur għandu ħabta jirrifjuta li jħalli stunts jiġbdu xeni perikolużi floku għax ikun irid juri li kapaċi jagħmilhom huwa stess. ''Lura għal dak iż-żmein, kien dejjem iġibha żewġ, imma jidher li did-darba x-xorti ma tbissmitlux'', stqarr Spielberg.

Il-film huwa mistenni li jasal fis-swali taċ-ċinema f'Lulju tal-2022. Iżda kollox jindika li d-data taf tinbidel skont il-qagħda medika tal-attur ewlieni Harrison Ford u s-sitwazzjoni tal-Pandemija tal-Covid-19 u l-effett li qed tħalli fid-dinja ċinematografika internazzjonali.

Facebook / Movies Unlimited


Deo Grech