L-ewwel Maltija li rebħet il-Junior Eurovision Song Contest, l-ewwel Maltija li wasslet fil-Judges Houses ta' X Factor UK u issa l-ewwel waħda li ħarġet kanzunetta taħt Wicked and Loud Records.

Ħmistax ilu, Elton Zarb kiteb li jinsab ferħan li jħabbar li l-kumpanija tiegħu Wicked and Loud issa ħa tkun ukoll record label, aktar kmieni din il-ġimgħa ħabbru wkoll li fetħu studjo ġewwa Londra, fejn il-produttur Malta Matteo Depares mexa b'mod permanenti hemm ukoll.

Ritratt: Facebook / Wicked and Loud Records

Aħna ta' Gwida.mt tkellimna ma' Elton biex nistaqsuh dwar xi tfisser li l-kanzunetta ta' Gaia Cauchi, Why Should I hi l-ewwel kanzunetta taħt Wicked and Loud Records. "Aħna ferħanin ħafna li l-ewwel release ta’ WickedandLoud Records hija proprju Why Should I ta’ Gaia Cauchi."

Elton ikompli jgħidilna li jinsabu: "Ferħanin ħafna għaliex il-prodott kollu kemm hu maħdum lokalment mil-produtturi u kittieba tagħna stess. Kien żmien ta' ħidma twila ħafna u iebsa sabiex stabilixxejna relazzjonijiet ma' diversi kumpaniji madwar id-dinja kollha għad-distribuzzjoni u l-promozzjoni tad-diska f’territorji diversi."

Ritratt: Facebook / Wicked and Loud Records

"Il-ħidma fuq id-diska ovvjamemt ma tieqafx hawn għaliex għandna kampanja sħiħa ppjanata fix-xhur li ġejjin għal Gaia, li tinkludi wkoll performances barra minn Malta. Huwa żmien eċitanti ħafna għal WL Records għaliex apparti dan kollu qiegħdin nippreparaw releases b’saħħithom ħafna mingħand l-artisti tagħna li ser inkunu qed inħabbru fil-ġranet li ġejjin."

Aħna kellimna wkoll lil Gaia fejn qaltilna li tinsab kuntent mmens li hi l-ewwel persuna taħt WL Records, "ilni naħdem ma' Elton minn meta kont żgħira ħafna, nfatti rrekordja l-ewwel kanzunetti tiegħi meta kelli biss tliet snin. Huwa kien dejjem wieħed minn dawk in-nies li verament emmen fija mill-ewwel jum litteralment", tgħidilna Gaia bi tbissima.

Ritratt: Bernard Polidano - Facebook / Gaia Cauchi

"Se nkun dejjem grata għall-ħin u l-isforz li Elton u kull min hu involut jinvestu biex jgħinuni nevolvi. It-tim tiegħi huwa magħmul minn nies li huma ta' min jafda sew u bnejt relazzjoni tal-għaġeb magħhom u għalhekk jien kuntent ħafna li se naħdem magħhom minn issa 'l quddiem!"

Għal dawk kollha li jixtiequ jisimgħu din il-kanzunetta ta' Gaia jistgħu jagħmlu dan fuq il-pjattaformi diġitali kollha jew jaċċessaw dan il-link: https://backl.ink/49790508. F'isem Gwida.mt nixtieq nawgura mill-qalb lil Gaia għal dak kollu li għandha pjanat mat-tim tagħha. Jixirqilha kull suċċess.

Facebook / Gaia Cauchi


Emil Calleja Bayliss