Joseph, inti ilek tesperjenza l-avventura ta’ Liquorish għal dawn l-aħħar 17 –il sena. Żort diversi pajjiżi kważi f’kull kontinent, esperjenzajt diversi mumenti u rajt numru kbir ta’ parteċipanti b’entużjażmu għall-avventura.

Qabel bdejtu l-vjaġġ lejn l-Rwanda stqarrejt li din kienet l-aktar edizzjoni diffiċli għalik. Għaliex?

Din is-sena kienet partikolari ħafna minħabba l-pandemija. Kien hemm punt fis-Sajf, fejn kellna nieħdu deċiżjoni u allura għamilna cut-off date bejnietna fejn kellna niddeċiedu hux ha nagħmluh jew le. Ma jfissirx li kien faċli għaliex ridna nagħżlu l-pajjiżi li setgħu jaċċettaw li turisti u nies minn barra jidħlu u anke naraw il-konsegwenzi f’każ li xi ħadd ikun pożittiv.

Għaliex peress li qed nitkellmu fuq kważi għoxrin ruħ, il-persentaġġ li xi ħadd ikun pożittiv huwa kbir. Dan huwa l-iżjed programm li jiswa’ flus biex jitella’ Malta allura ċertu sogru jrid jittieħed ħafna qabel. Kellna nikkunsidraw kollox!

Aħna dejjem nemmnu li biex jitella’ l-programm peresli huwa diffiċli minnu nnifsu qisna ma għandniex limiti allura. Din is-sena, bil-pandemija, għalkemm id-diffikultajiet kienu kbar ma ridniex li twaqqafna. Għamilna dak kollu neċessarju, protokolls u bgħattna lill-kullħadd iżjed minn darba jisswabja biex inkunu ċerti.

Il-protokolli tal-pajjiż għamluha ‘faċli’ sabiex programm bħal Liquorish jista’ jseħħ?

Loġistikament kien aktar mexxej għaliex fl-Irwanda, il-gvern u s-sistema tas-saħħa tal-pajjiż hija vera tajba minkejja li kien hemm protokoll li kienu stretti fuqna. Sintendi aħna kellna nobdu l-liġijiet tal-pajjiż li kienu differenti ħafna minn dak li aħna mdorrijin bihom.

Għaldaqstant riedna naddattaw għal dak li aħna ser insibu iżda l-bqija bħala avventura ma affettwatniex. Aħna normalment ma mmorrux fejn hemm ħafna nies ġeneralment aħna dejjem nitilqu fil-bogħod fejn ikun hemm inqas nies u dan huwa kunċett li ilu jsir Liquorish żmien.

Allura f’kuntest ta’ pandemija aħna ma konniex qegħdin fir-rassa, konna mmorru market, eċċ imma konna nillimitawhom u noqogħdu attenti. Kienet avventura li kienet diffiċli bħas-soltu, kellna l-isfidi bħas-soltu u sibna l-intoppi bħas-soltu jiġifieri dak ma nbidel xejn. Kull ma żidna ntopp ieħor li kienet tal-COVID-19 u għamilnieh xorta.

X’kienu l-aktar mumenti memorabbli minn din l-edizzjoni?

Jiena l-Afrika nħobbha! X’ħin wasalt l-Irwanda ndunajt li l-feeling tal-pajjiż mhuwiex bħall-Afrika qisek mort in-Namibia jew il-Kenya. Għandu feeling differenti u għandu feeling kważi daqxejn Ażjatiku, mhux fin-nies iżda fil-landscape. Pero n-nies, il-kuluri, it-togħmiet tal-pajjiż jibqgħu dawk Afrikani.

Li kienet daqxejn diffikulta, li kienet tagħmel ix-xita kuljum waranofsinhar. Ħafna xita ta’ kuljum, qisu għall-ħabta tas-sagħtejn imma aħna konna nibqgħu għaddejjin ma stajniex induru max-xita. Liquorish jaħdem ħafna bl-arloġġ naturali jiġifieri x’ħin titla’ x-xemx u x’ħin tinżel ix-xemx.

Diġà għandna l-ewwel parteċipanta tal-edizzjoni tas-sena d-dieħla – Aneliese. Xi tgħidilna dwar dan?

Aneliese hija l-ewwel parteċipanta ta’ Liquorish. Aneliese hija persuna b’saħħitha ħafna u għandha karattru partikolari ħafna. Il-fatt li hija għandha dan il-karattru partikolari ħafna, jiena naħseb, li potenzjalment jista’ jgħinha ħafna jew potenzjalment tista’ issibha diffiċli.

Naħseb li mal-kumplament tal-grupp ħa jkun hemm taħlita interessanti. Aneliese hija persuna happy go lucky ħafna, minn dak it-tip li jiġi merħba bih, tidħol ħafna fl-affarijiet bi spirtu pożittiv ħafna, tagħmel il-volotarjat, hija waterpolo player, taħdem ġo uffiċċju wkoll.

Issa naraw kif ħa jibda’ jifforma l-grupp magħha però hi ser tkun parteċipanta bħall-oħrajn, kull m’għandha dan ir-rigal extra li huwa l-Enemed Experience imma tista' tiġi eliminata u kollox.

X’għandu jistenna l-pubbliku minn Liquorish tas-sena d-dieħla?

Il-kunċett bażiku jibqa’ dak li hu fejn grupp ta’ nies immorru f’pajjiż remot u jgħixu avventura. Ovvjament il-programm evolva u naħseb dak kien wieħed mis-sigrieti għalfejn baqa’ għaddej 18 –il sena. Din is-sena ser naqbdu l-avventura u ħa naraw kif nistgħu ntuha laqta’ differenti, għaliex wara sbatax –il sena ħafna mill-parteċipanti jkunu raw il-programm u jkunu jafu bl-amment kważi x’ħa jsir.

Apparti minn hekk qed naħdmu ukoll fuq dehra aktar refreshed tal-programm fejn ħa jkun iżjed lively, ovvjament ma tantx nista ngħid wisq imma x-xogħol diġà beda. In-nies mdorrijin jaraw Liquorish għax iħobbu jaraw dak it-tip ta’ programm għaldaqstant m’aħniex ħa nagħmlu bidliet drastiċi imma ħa ntejjbu fuq dak li ġa hemm.

Ħerqanin biex naraw biex it-tim ta’ Liquorish ser joħroġ is-sena d-dieħla.

Din l-intervista saret minn Sephora Cutajar u ġiet ippublikata b'mod esklussiv fuq ir-rivista tagħna GWIDA fix-xahar ta' Awwissu. Il-GWIDA toħroġ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.

Facebook / Joseph Cauchi


Gwida.mt