Għada, l-istudenti tal-Università se jibdew perjodu ta' tliet ġimgħat ta' eżamijiet. Għal bosta, dan huwa żmien stressanti, iżda hemm metodi kif wieħed jista' jtaffi daqsxejn mill-ansjetà li jġibu magħhom dawn l-eżamijiet. The Princeton Review jissuġġerixxu tmien passi li wieħed jista' jsegwi għal studju aktar effettiv.

1. Staqsi il-mistoqsijiet it-tajbin

Ma tridx tidħol dakinhar tal-eżami mingħajr ma tkun ippreparat għal dak li se ssib quddiem wiċċek. Fittex it-tweġibiet għall-mistoqsijiet l-aktar kruċjali qabel ma tibda tistudja, mistoqsijiet bħal: 'X'materjal se jkopri l-eżami?' u 'X'inhu l-format tal-eżami?'.

2. Agħmel skeda u qassam il-ħin

Jekk toħloq skeda ta' ħidma tajba, tista' tqatta' inqas ħin tistudja għall-eżamijiet. Agħmel lista tal-affarijiet li trid tirrevedi u meta se tirrevedihom. Ibda segwi din l-iskeda malajr kemm jista' jkun u agħraf kemm se jkollok bżonn ħin biex tistudja kuljum.

3. Iġbor ir-riżorsi kollha li għandek

Iġbor in-noti li ħadt fil-klassi u xogħol ieħor li ħdimt fuqu matul il-kors. Minn dawn tista' tagħraf x'inhuma d-dettalji l-aktar importanti u tista' tara wkoll x'kienu l-iżbalji l-aktar komuni fix-xogħlijiet tiegħek.

4. Studja b'mod aktar għaqli

Minflok timmemorizza n-noti kollha, ipprijoritizza x'se tistudja. Ibda bl-affarijiet li ċertament se jkunu fl-eżami, imbagħad għaddi l-affarijiet li probabbilment se jkunu fl-eżami, u finalment studja x'jista' jkun li joħroġ fl-eżami. B'dan il-mod, jekk ma jifdallekx żmien, tkun taf li għall-inqas koprejt l-informazzjoni l-aktar essenzjali. Jekk tibda bl-itqal materjal, għandek ukoll aktar ħin biex issaqsi lil-letturi jispjegawlek dak li ma tifhimx.

5. Ħallata ballata ta' metodi ta' studju

Issa li taf x'għandek bżonn tistudja, għaraf x'inhu l-aqwa mod kif tirrevedi u tinternalizza dak li taħseb li se joħroġ fl-eżami. Fi kliem ieħor, esplora metodi differenti u kreattivi ta' kif tistudja.

6. X'inhuma l-affarijiet li jżommuk immotivat?

Grupp tal-istudju jista' jgħinek tistudja b'mod aktar effiċjenti għall-eżamijiet. Ftiehem ma' sħabek biex tirrevedu l-materjal flimkien, taqsmu u tikkumparaw in-noti, jew tesploraw kunċetti daqsxejn tqal flimkien. Inkella, ippremja lilek innifsek għal kull sessjoni ta' studju li tagħmel b'xi ħaġa żgħira li tgħinek tibqa' ffukat.

7. L-irqad jibqa' importanti

Bosta jaħsbu li hi idea tajba li jagħmlu lejl sħiħ jistudjaw, iżda li torqod u tistrieħ matul il-lejl kapaċi twasslek għal aktar suċċess. Ibda rutina ta' rqad regolari fil-ġimgħat ta' qabel l-eżamijiet biex dakinhar tal-eżami tħossok frisk u lest.

8. Ħu miegħek dak li għandek tieħu

Ara x'tista' ddaħħal miegħek fil-kamra tal-eżami u kun ċert li ma tħallix affarijiet essenzjali d-dar. Fil-basket itfa' pinen u lapsijiet żejda, ħalli tkun ippreparat għal kulma jista' jinqala'.


Bradley Cachia