Aaron mill-band lokali Skald jitkellem mal-paġna popolari The People of Malta dwar il-band u l-album il-ġdid tagħhom. Il-mużika tagħhom hija waħda b'saħħitha u ħafna drabi tgħaddi messaġġ kurrenti.

Aaron mal-paġna jgħid, "Jiena persuna introverta imma meta hemm bżonn kapaċi nkun estrovert. L-importanti li wara kunċert ikolli dawk l-għaxar minuti fejn infittex li nerġa’ nkun waħdi. Jiena nikteb, inkanta u ndoqq mal-band Skald. Kull membru tal-band jaħdem flimkien bħala tim. Fil-kitba u l-mużika iktar veċiforu; nesperimi ruħi mingħajr ħajta fi lsieni, inkun iktar liberu u komdu biex noħroġ dak li hemm fija u nesprimi ruħi."

Hu jżid, "Il-ġeneru tal-band Skald hu 'Acoustic Folk'. Nemmen li kull band tfittex li jkollha l-ħoss tagħha. Il-ħoss ta' Skald hu uniku. Infittxu li niktbu xogħol ġdid. Il-kanzunetti huma bil-lingwa Maltija għax hi għal qalbna. Hi l-identita’ tagħna fl-aħħar mill-aħħar u tajjeb li napprezzawha."

Aaron ikomplu, "Fi tmiem il-ġimgħa se nkunu qed noħorġu t-tieni album tagħna jismu 'Morsa'. Huwa album li hemm ħafna ppjanar u konsistenti fis-suġġetti u t-tema. Morsa qed tirreferi għall-għodda li tassigura ħaġa milli tiċċaqlaq. Morsa bl-Ingliż hi vice. Vice tfisser ukoll vizzju. F’dan l-album għandna kanzunetti marbuta proprju ma' temi soċjali u personali li mmissu magħhom fil-ħajja; droga, alkoħol, partiġġjaniżmu, suwiċidju, gwerer, element soċjali u anki personali."

Nawgurawlhom l-isbaħ xewqat. Ħerqana nisimgħu dak li se jkunu qed iniedu!


Gwida.mt