Ivan Grech, kantant magħruf immens madwar Malta u Għawdex, għażel li jaqsam messaġġ sabiħ ta’ ispirazzjoni għal min ikun għaddej minn żmien diffiċli.
Hu kiteb, “Fil-ħajja kollha naffaċċjaw tlajja u nżul u ċirkostanzi li diversi drabi jġibuna f’għażliet diffiċli, insofru t-telf u l-uġigħ, xi kultant niġu mweġġgħin minħabba l-opinjonijiet tagħna, kif nimxu fil-ħajja, jew anke sempliċiment minħabba min aħna u minn fejn niġu. Din waħedha tista’ tkun ferm ta' sfida. Issa żid magħha t-toqol tal-messaġġi u ideat li jduru fil-midja, l-aħbarjiet kontinwament negattivi u aħbarijiet falzi, messaġġi u kummenti li jweġġgħu u ninkwetaw dwar x’taħseb is-soċjeta’ u kif nistgħu ninftehmu ħażin.”
Hu kompla jispjega, “Il-ħajja fiha ħafna iżjed minn dan il-kliem t’hawn fuq biss, hemm id-dawl, qlub tajba, empatija u iva iva u iva, hemm l-imħabba. Irridu nħallu l-kuxjenza tagħna tiddeċiedi l-azzjonijiet tagħna, fl-aħħar mill-aħħar dik biss turina bejn it-tajjeb u l-ħażin u turina l-verita’ “.
Kemm huwa tajjeb li nżommu dan il-kliem f’moħħna! Il-ħajja mhijiex biss il-kummenti u aħbarijiet negattivi li naraw madwarna iżda għandna dejjem nafdaw fil-kuxjenza tagħna.
Facebook / Ivan Grech