Kmieni din il-ġimgħa sar il-funeral ta' Dr. Victor Calvagna u ħafna għadhom jibku l-mewta tiegħu li seħħet fl-4 ta’ Jannar, wara inċident traġiku lejn l-aħħar tas-sena.

Dr Calvagna ħalla impatt dejjiemi fuq ħafna nies u l-pajjiż kollu qed ifittex li jonora l-memorja tiegħu b’kull mod possibbli. Infatti id-dipartiment tal-pedjatrija fl-Isptar Mater Dei se jingħata l-isem tat-tabib maħbub minn ħafna.

Il-klabb tal-futbol Fgura United ħa jkun qed jagħmel l-istess, huma ħabbru li se jkun qed isemmu s-sala prinċipali tagħhom għal Dr Calvagna. It-tabib mibki kien jilgħab mal-klabb fiż-żogħżija tiegħu iżda kellu jieqaf biex ikompli jiffoka fl-istudji mediċi tiegħu.

Minkejja dan, Dr Calvagna baqa’ sapporter kbir ta' dan il-klabb għall-kumplament ta’ ħajtu, tant li nħatar President Onorarju tal-klabb f’Awwissu li għadda.

Strieħ fis-Sliem, Dr Calvagna!


Emil Calleja Bayliss