Kull villaġġ fil-gżejjer Maltin ikollu l-festa tiegħu matul is-sena, l-aktar fix-xhur tas-sajf – festa li tinvolvi ħafna kuluri, ċelebrazzjonijiet, tradizzjonijiet, ikel, u anki l-ħiliet tal-mużiċisti u l-artiġjani li juru t-talenti tagħhom matul dawn il-jiem! Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni ta’ Festa Lwien, li saret is-sena l-oħra, għal darb’oħra l-Villaġġ Artiġjanali ġewwa Ta’ Qali se jkollu l-festa tiegħu nhar is-Sibt, 19 t’Awissu, mis-19:00h 'l quddiem.

Waqt Festa Lwien se jkun hemm divertiment għal nies ta’ kull età, fosthom mużika kemmxejn tradizzjonali mill-grupp Ta’ Verna Folk Band, u mużika ftit aktar kontemporanja minn Bernie & Pod; animazzjoni mill-komiċi popolari Danusan; u tombla minn Ġorġ tad-Donuts. Se jkun hemm ukoll żona bil-logħob għat-tfal, li fost oħrajn tinkludi bouncy castle, face painting, pony rides u għadd ta’ logħob tradizzjonali bħall-passju, tellieqa bl-ixkora, u ħafna oħrajn.

Ma tistax tonqos varjetà ta’ ikel, l-iktar bit-tema tal-festa jew tal-Lejla Maltija: ikel tradizzjonali Malti minn Ta’ Victor, ftajjar u pizez m’għand Il-Forn tal-Għawdxi, kif ukoll qubbajt u ħlewwiet oħra m’għand il-Beehive Confectionery, jew kif inhu magħruf Iż-Żebbuġi Hawn.

It-tiżwiq tal-kuluri waqt Festa Lwien madankollu se jispikka l-iktar fil-ħlejqiet tal-artiġjani lokali li se jkunu qed ibiegħu l-prodotti tagħhom – madwar 20 artiġjan li huma bbażati fil-Villaġġ Artiġjanali ġewwa Ta’ Qali stess se jibqgħu miftuħin matul il-lejl ta’ din il-festa, filwaqt li madwar 35 artiġjan ieħor se jkunu qed jarmaw madwar it-toroq tal-villaġġ sabiex b’hekk tinħoloq iktar l-atmosfera tal-festa Maltija.

Id-dħul għal Festa Lwien huwa b’xejn. Għal iktar dettalji segwu d-diskussjoni fuq il-paġna tal-Malta Crafts Foundation billi tidħlu HAWN. 


Gwida.mt