Din il-ġimgħa Gwida.mt tkellmet mal-attur bravu Fabian Scerri de Carlo. Ħafna Maltin u Għawdxin jafuh mill-karattru tal-Avukat Gawdenz Bilocca, fejn ftit snin ilu, ħafna tfal kienu jimitaw id-daħka ta’ dan il-karattru komiku.

Oħrajn jafuh bħala l-kappillan fis-serje ‘Simpatiċi’, il-Foqri f’‘Il-Kristu tal-Kerrejja’, Albert f’‘Ipokriti’ u l-lista ma tiqafx! Dan għax Fabian ħa sehem f’għadd kbir ta’ drama lokali u dejjem irnexxielu joħroġ il-karattru li qed jinterpreta bl-aktar mod naturali.

Minn fejn nibtet l-imħabba lejn ir-reċtar?

Nista' ngħid li, minn mindu kont tifel żgħir kont nieħu gost nieħu sehem fid-drammi li kienu jiġu organizzati fl-iskola u ftit wara, fis-sala tal-knisja. U għalhekk kont attendejt l-iskola uffiċjali tad-Drama ta' Malta MTADA, fejn għamilt seba’ snin nistħarreġ kuljum, minbarra nhar t'Erbgħa. Hemmhekk gradwajt bħala attur u kont irbaħt ukoll Scholarship f'Peruġja, l-Italja. U minn hemm nista' ngħid li qatt ma ħarist lura.

Xi jfisser għalik ir-reċtar?

Ir-reċtar ifisser ħafna għalija. Tajjeb ngħid li, inħobb nistudja sew il-karattru li nkun se ninterpreta biex b'hekk l-interpretazzjoni tkun waħda reali kemm jista’ jkun. Inħobb ukoll nibdel id-dehra tiegħi, kif ukoll nosserva ħafna għax b'hekk tkun tista’ toħroġ il-versatilità tal-attur.

Irreċtajt ħafna fuq it-televixin. Liema serje hija l-favorita tiegħek?

Fuq it-televixin ħadt sehem f'bosta produzzjonijiet, kemm komiċi, kif ukoll serji. Ma nistax ngħid li għandi waħda partikolari li hija l-favorita, iżda ħadt gost ħafna nieħu sehem, f' ‘Vittmi’, ‘F'Baħar Wieħed’, ‘Simpatiċi’, ‘Tgħanniqa’, ‘Kristu tal-Kerrejja’, fost ħafna oħrajn.

Ħadt sehem ukoll f’ħafna produzzjonijiet teatrali. Tippreferi tieħu sehem f’dramm jew fuq it-televixin?

Nistqarr li għalkemm il-palk għandek ir-reazzjoni tal-pubbliku li tista’ tħossha direttament waqt il-produzzjoni u din hija sensazzjoni sabiħa mmens, it-televixin jogħġobni aktar.

Liema karattru li interpretajt jibqa’ f’qalbek?

Naħseb il-karattru ta' Gawdenz Bilocca jibqa’ f'qalbi! Dan għaliex bih ferraħt ħafna tfal u adulti li jkunu għaddejjin minn xi mard jew xi żmien ikrah. Kienu jwaqqfuni u jgħiduli li bis-saħħa ta’ Gawdenz kienu jinsew id-dwejjaq tagħhom, imqar għal ftit sigħat. Dan għalija huwa l-akbar sodisfazzjon li wieħed jista’ jkollu.

Interpretajt kemm karattri serji, kif ukoll umoristiċi. Liema ġeneru tippreferi li tinterpreta? Għaliex?

M'għandi l-ebda preferenza għax huma ġeneri kompletament differenti u nieħu pjaċir ninterpretahom it-tnejn.


Yasmin Camilleri