Il-kantanta Lyndsay Pace qasmet dan ir-ritratt mill-2010, mill-kompetizzjoni televiżiva tal-kant Don’t Stop Me Now.
Diversi kantanti li llum huma magħrufa, dak iż-żmien kienu għadhom qed jibdew il-karriera tagħhom.
Mix-xellug għall-lemin, dan huwa dak li rajna dawn il-kantanti jagħmlu tul dawn id-9 snin.
Lyndsay Pace
Ħadet sehem fil-Malta Eurovision 2015 bil-kanzunetta Home u rnexxiela tasal fil-fażi finali tal-ewwel staġun ta’ X Factor Malta mal-grupp Xtreme.
Dario Bezzina
Rajnieh fil-finali tal-Konkors kanzunetta Indipendenza 2015 u 2016.
Il-parteċipazzjoni tiegħu fil-musicals lokali hija waħda spissa.
Fl-2017 Dario kklasifika fit-tieni post fl-Għanja tal-Poplu flimkien ma’ oħtu Grecia bil-kanzunetta 13, Strada Stretta.
Francesca Borg
Il-parteċipazzjoni tagħha fil-Malta Eurovision 2012 tibqa’ l-akbar kompetizzjoni fil-karriera tagħha, bl-aktar riċenti tkun il-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2017 bi Ftit Ħin.
Kurt Calleja
Dan qed tagħrfuh żgur! X’aktarx l-aktar magħruf fost dawk li jidhru fir-ritratt, Kurt irrapreżenta lil Malta fil-Eurovision 2012 b’This Is The Night u baqa’ attiv minn dak iż-żmien b’diversi kanzunetti u kunċerti. L-aktar proġett riċenti tiegħu huwa Sweet Chili.
Cherise Attard
Cherise rebħet L-Għanja tal-Poplu 2013 bil-kanzunetta Hawn Siġġu Nieqes.
Isabelle Borg
Illum tidher taħt l-isem Żabel. Preżentament mhix attiva fix-xena lokali, iżda Isabelle qed tistudja f’Londra l-vuċi u l-mużika.
Joseph Refalo
Għal xi żmien rajnieh fix-xena bħala parti mill-grupp Avenue Sky, fejn laħqu l-finali tal-Malta Eurovision 2018 b’We Can Run. Riċentament iddeċieda li jkompli jsaħħah il-karriera solista, bl-aktar dehra riċenti tiegħu tkun fl-Għanja tal-Poplu 2019 ftit tal-jiem ilu bil-kanzunetta Id-Ditta tal-Ġlekk.
Christine Haber
Bdiet mis-sensiliet tad-drama ta’ ommha Eileen Montesin, matul is-snin rajniehom f’diversi produzzjonijiet flimkien, u minn Ottubru li ġej, ser jirritornaw lura fuq it-televiżjoni bil-programm Family Affair, programm ta’ kuljum bejn it-3:30pm u l-5:30pm.