Mhux ta’ sorpriża għal ħadd meta ngħidu li Malta u Għawdex qegħdin jinbidlu u jinbnew b’mod mgħaġġel. Il-futur ta’ pajjiżna qiegħed ikun suġġett diskuss ħafna dawn l-aħħar jiem, u  l-Uffiċjal Kulturali Ta’ Reġjun Għawdex Francesco Grech tkellem ukoll dwar dan. Is-Sur Grech tkellem fuq il-futur t’Għawdex primarjament minħabba l-iżviluppi bl-addoċċ li qegħdin isiru. 

 F’post fuq Facebook fuq il-profil tiegħu, huwa kiteb hekk: “x’sar minnhom dawk il-politiċi li mhux biss jisimgħu l-poplu imma jiggwidaw lill-poplu lejn kwalità ta’ ħajja aħjar? Wara r-ritratt li tellajna lbieraħ fuq il-paġna t’Għawdix ħafna nies ikkummentaw li l-poplu hekk irid. U jien ma nemminhiex li l-poplu Għawdxi hekk irid. Ma nemminhiex. Għax jekk irid hekk ifisser li l-poplu Għawdxi jrid joqtol lil uliedu bil-ġuħ. Ħafna minnkom ħa tgħidu kemm jien għaġeb. Imma aħsbu ftit. Taħsbu li t-turisti ħa jibqgħu jiġu Għawdex jaraw il-kruha? Tafu x’kompetizzjoni hemm mas-sbuħija ta’ pajjiżi oħra? Tafu li wliedkom għad jiġu d-dar bid-dmugħ f’għajnejhom u jisogħlu (bit-trab) jsaqsukom jekk Għawdex hux minn dejjem kien ikrah hekk. Ħadd mhu ħa jgawdi minn dan l-isfreġju. Ħadd. 4 minna jaħsbu li qed igawdu għax se jsiru sinjuri ta’ malajr - imma l-bużżieqa daqt tinfaqa’. U nittama li malli tinfaqa’ jkun fadal siġra matura li lkoll inkunu nistgħu ninġabru taħtha u niddiskutu s-sbuħija u kif se nġibuha lura.”

Francesco Grech imexxi l-paġna t’Għawdix, fejn wieħed jista’ jsegwi informazzjoni fuq żviluppi li qegħdin iseħħu ġo dik il-gżira. Huwa wkoll awtur tal-ktieb ‘Kollox jeħel magħna’.


Nicole Zammit