Għal dawk kollha li segwew l-ewwel staġun tat-teleserje fattigi fuq Net Tv bi produzzjoni ta’ Watermelon Media, l-aħbar li f’Ottubru li ġej se jixxandar it-tieni staġun niżlet għasel. Fattigi huwa wieħed mill-programmi l-iżjed segwiti fuq Net TV, kif ikkonfermat mill-istħarriġ tal-awtorità tax-xandir, iżda minn informazzjoni li ksibt, mill-istazzjon hemm ukoll madwar 20,000 oħra li segwew Fattigi fuq NET on-demand, il-pjattaforma interattiva ta’ Net TV. Jiġifieri b’kollox l-istazzjon jikkalkula li fattigi rawh qrib l-40,000 persuna bejn televiżjoni u on-demand. Bi tħejjija għall-istaġun il-ġdid nitkellmu mal-awtur u direttur ta’ Fattigi, Bryan Muscat.
Bħala l-awtur tas-serje Fattigi, kif tiddeskrivi din l-istorja u l-mod kif qed intlaqa’ l-ewwel staġun mill-udjenzi?
Hija storja ħelwa, attwali, relevanti ħafna, u li faċilment l-udjenza tista’ tiddentifika ruħha magħha. L-idea oriġinali ta’ Fattigi mhux tiegħi imma Pierre Portelli tagħni biżżejjed punti fejn nista’ nimraħ u niġri ftit bl-imaġinazzjoni tiegħi. Hija storja li tirrifletti s-soċjetà li qed ngħixu fiha, fejn ikollok l-ups and downs bħal ma’ jiġri lil kulħadd. Kultant, ħafna affarijiet jiġru lill-istess karattri, u kultant ikun hemm min jgħid, ‘u mela kollox jiġrilhom dawn’, imma sfortunatament, hawn nies li jgħaddu minn dawn l-affarijiet, waħda wara l-oħra, u bhal ma’ jgħid tajjeb il-Malti, Meta tiġi, iftħilha!
Għalkemm inqatta’ ħafna mill-ħin tiegħi xogħol, filming u nikteb, allura ftit inkun barra fit-triq għal affarijiet oħra, il-ftit ħin li nkun, kelli feedback pożittiv ħafna. Il-biċċa ‘l kbira tal-feedback hu dwar il-fatt li l-istorja ma’ fihiex tiġbid. Dik ħaġa li nħobb fuqha jien. Apparti mit-triq, il-feedback fuq Facebook kien qawwi u pożittiv immens.
Din mhix l-ewwel soċjo-drama li qed tikteb, fil-fatt dan hu l-ġeneru li l-iżjed int imfittex għalih, għaliex?
Mmmm. Mhux faċli dil-mistoqsija. Ma nafx. Naħseb il-fatt li jien għalliem, u għamilt snin twal nikkowċja l-volleyball u anke ngħallem id-drama, naħseb iltqajt ma’ ħafna nies li jkunu għaddejin minn sitwazzjonijiet differenti. Kien hemm żmien fejn ħassejt li għent, kien hemm żmien fejn ħassejt li ma’ laħħaqtx, u kien hemm żmien fejn forsi lanqas biss indunajt b’ċertu sitwazzjonijiet.
Jien inħobb nirrifletti ħafna fuq kif marret il-ġurnata, il-ġimgħa etċ. Allura hemm ninduna b’kemm iltqajt u missejt ma’ sitwazzjonijiet soċjali differenti. Allura, forsi meta niġi biex nikteb, dawn l-affarijiet jiġuni aktar naturali… ma nafx… naħseb dik hi imma.
Din l-ewwel esperjenza tiegħek taħdem ma’ Watermelon Media li tawna diversi xogħlijiet ta suċċess bħalma kienu Iċ-Ċaqqufa, Tereża, Anġli, La Tħobbnix u Ħobbni Ftit (minbarra programmi oħrajn ta' ġeneru ieħor). Kif tiddeskrivi din l-esperjenza tiegħek ma’ Watermelon Media?
Esperjenza sabiħa ħafna. Professjonali ħafna. Għal darba qed inħoss li hemm tim b’saħhtu, bi krew professjonali, b’atturi entużjasti u bravissimi, b’ ‘editor’ tal-muntaġġ b’kuntatt dirett kontinwu, b’Assistenta tal-Produzzjoni li hi fitta fl-irqaqat aktar minni u li ma’ tieqaf taħdem qatt, u bi producer li dejjem lesta li tinkuraġġini, ttini s-support imma fl-istess ħin tiġbidli l-attenzjoni u ttini feedback xieraq kull ġimgħa. Mhux ta’ b’xejn kellhom dawn is-suċċessi kollha.
Mill-kitba ta' l-ewwel staġun ta' Fattigi issa għandek ukoll id-direzzjoni f'idejk. Dan kien pass naturali jew piż żejjed fuqek?
Hehehe. Mela. Ejja ngħidu li l-idea kienet li nikteb biss għaliex kont ili għaddej bi produzzjonijiet differenti u ħassejt li kelli bżonn nieħu break. Imma mbagħad il-producer Diane Portelli staqsietni biex nidderieġi l-istaġun il-ġdid. Wara x-xogħol tajjeb ħafna li kien diġà sar fl-ewwel staġun mill-krew, direzzjoni u atturi, aċċettajt biex inkun nista’ nagħti ftit mill-esperjenza tiegħi f’dan id-dipartiment ukoll.
Piż? Ifhem, dejjem huwa piż meta tiġi biex tidderieġi drama. Speċjalment meta jkun it-tieni staġun. Għax apparti l-ħinijiet twal, f’kundizzjonijiet mhux ideali ta’ sħanat kbar, jew ksieħ żejjed, imma apparti dan kollu, int trid tipprova tara kif se timmeljora xi ħaġa li diga kienet tajba ħafna… allura piż dejjem se jkun hemm.
F'Malta nafu li l-atturi jaħdmu kważi b'mod volontarju meta tqis il-ħinijiet twal li hemm bżonn biex ittella’ sensiela bħal Fattigi. Dan ittellef jew bil-maqlub, l-atturi jaħdmu għax hi l-passjoni li qed tmexxieħom?
Il-Passjoni hija evidenti. Kieku m’hemmx l-imħabba lejn l-arti, kieku la jsir teatru u lanqas televiżjoni f’pajjiżna. Il-flus li jaqalgħu l-atturi, bilkemm ikopri l-fuel li jaħlu biex imorru minn post għall-ieħor waqt il-filming. Imma il-qalb tant hi kbira, id-dedikazzjoni u d-determinazzjoni ta’ dawn l-atturi bravissimi li għandna f’pajjiżna, imbagħad meta mħallta mad-dixxiplina ukoll, joħrog ir-riżultat finali, ta’ nies b’talent kbir, li jridu joħorġuh wara li jkunu għadhom ġejjin minn ġurnata xogħol x’imkien ieħor.
Mhux se ngħid li kieku l-atturi huma professjonali, iġifieri li xogħolhom ikun biss id-drama, mhux se jtuna prestazzjonijiet aħjar, imma meta tqies li mhumiex, u qed jagħtu dawn it-tip ta’ prestazzjonijiet, għandna mhux biex niftaħru f’dal pajjiż, imma biex inqażżu. Ara kemm hawn dramas differenti, kemm hawn atturi differenti… B’wiċċi minn quddiem ngħid li għandna ħafna, u ħafna atturi bravi f’dal pajjiz. U nħossni onorat li naħdem ma’ ftit minnhom.
L-ewwel staġun ta' Fattigi ħalla ħafna kurżitajiet. X'nistennew fit-tieni staġun? Se jiġu mwieġba mill-ewwel jew se jinfetħu iżjed plots ġodda?
Se jkun hemm stejjer li jingħalqu, mhux bilfors mal-ewwel episodji. Ġeneralment ma’ nħobbx intawwal ħafna. Imma jkun hemm ċerti sitwazzjonijiet fejn inħoss li jkollhom jittawlu ftit. Bla dubju se jkun hemm sitwazzjonijiet ġodda li se jinħolqu f’dan it-tieni staġun ukoll. Dik hija li żżomm l-istorja ħajja.
Hemm xi karattri ġodda li se naraw fuq Fattigi? Tista’ tiżvela xi ħaġa?
Hemm ftit karattri ġodda, imma ftit. Il-maġġor parti tal-kast huwa dak li kien stabbilit. Nista’ niżvela, imma miniex se niżvela… hahahaha
Fattigi żewġ staġuni jew il-ħsieb hu li jkompi għaddej?
Żewg staġuni. Dak il-pjan.
Hemm xi proġetti ġodda f'moħħok?
Le. Ma’ tantx inħobb naħseb fi proġetti oħra waqt li nkun għadni qed nikteb xi ħaġa. Meta nispiċċa l-kitba ta’ Fattigi, xi żmien fl-aħhar ta’ Settembru, imbagħad ikun iż-żmien li nieħu break, u jekk tiġi xi ħaġa f’moħħi, imbagħad naraw.
U Watermelon? Kelmuk fuq proġetti ġodda tagħhom?
Le. Imma ma jfissirx li m’għandhomx pjanijiet. Tkun ħasra jekk ma’ jaħdmux fuq xi ħaġa oħra. Imma mhux bilfors jinkludi lili fil-proġett. Allura ma’ nistax ngħidilkom hux qed jippjanaw xi ħaġa jew le, aħjar tistaqsu lilhom. Fil-fatt hekk għamilt jien u staqsejthom, staqsejna fuq xiex qed jaħdmu Watermelon Media u ingħatajna din ir-risposta: “Għaddejna minn esperjenzi sbieħ li laqqgħuna ma ħafna persuni kapaċi li magħhom tellajna produzzjonijiet ta’ success. Għaddejna wkoll minn esperjenzi diffiċli li sfidaw l-eżiżtenza tal-kumpannija.
Iżda minkejja kollox għadna hawn, 15-il sena ta’ produzzjonijiet fuq l-istazzjonijiet kollha Maltin kif ukoll xogħol awdjo-viżiv kemm f’Malta kif ukoll barra. Mhux se naqtaw qalbna malajr milli nagħmlu dak li tant inħobbu u diġa qed naħdmu fuq proġetti ġodda, allura nwegħdu li fix-xhur li ġejjin se tisimgħu iżjed bina żgur!”
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.